Sunday, December 22, 2024

NIPPROMWOVU PAJJIŻNA GĦALL-ESPERJENZA BIEX NATTIRAW IŻJED TURIST TA’ KWALITÀ

Aqra wkoll

It-turiżmu huwa wieħed mill-pilastri fundamentali tal-ekonomija ta’ pajjiżna. L-għaqal tal-awtoritajiet responsabbli jirrikjedi li filwaqt li jħarsu li t-turiżmu jkompli jitkattar u n-numri jkomplu jiżdiedu, jikkontrollaw l-istress tal-istess turisti fuq l-infrastruttura ta’ pajjiżna. Filwaqt li nemmnu li l-għadd ta’ turisti li qegħdin jgħaddu mill-ajruport ta’ Malta huma pożittivi ferm jeħtieġ li pajjiżna jgħaddi għall-istadju li jmiss fejn jasal biex jattira turisti li lesti jżuru lil pajjiżna għall-esperjenza tiegħu u għalhekk mhux biss ikunu qegħdin jiġu hawn imma anke jkunu lesti li jonfqu flushom billi jżuru dak li pajjiżna jista’ joffrilhom u b’hekk jiġġeneraw iktar flus.

Importanti li bħala poplu naslu biex nimmaturaw fejn jidħol bilanċ bejn turist ta’ kwalità u l-kwantità ta’ turisti li qegħdin jiġu. Nemmnu li waħda mill-aqwa promozzjonijet tista’ tkun aktar persuni mħarrġa fl-għarfien dwar dak li pajjiżna għandu x’jirrakkonta kemm ġeografikament kif ukoll storikament biex dawk li lesti li jinvestu flushom bi żjara fuq din il-gżira jieħdu l-aħjar togħma possibbli ta’ dak li kapaċi noffru.

Fejn jidħlu l-inċentivi biex nattiraw iżjed nies lejn pajjiżna, nemmnu li żmien l-inċentivi tal-pandemija ħalla l-frott meħtieġ u dan jixhduh in-numri, iżda issa nemmnu li għandna niffukaw biex nippromwovu lil pajjiżna għall-esperjenza li joffri aktar milli jagħti inċentiv fiskali. Iżda biex dan iseħħ, ma nistgħux nagħlqu għajnejna quddiem ċertu ħsara li qiegħda ssir fuq pajjiżna fuq il-midja soċjali. Dak li nwegħdu rridu nkunu kapaċi noffruh u għalhekk irridu nkunu kapaċi bil-ħafna tajjeb li noffru, f’każi ta’ influencers li jippruvaw jagħmlu ħsara, anke forsi intenzjonata biex it-turist jevita lil Malta, nidfnu din il-ħsara li jekk inħalluha tiċċirkola fuq il-midja b’mod passiv tista’ toħloq ħsara rreparabbli fil-futur qarib.

Nemmnu li t-triq ’il quddiem hija l-promozzjoni diġitali u hawnhekk nirrikonoxxu l-investiment tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu b’mod speċjali mill-pandemija ’l hawn. B’investiment ta’ madwar 70 fil-mija tal-promozzjoni ta’ pajjiżna online, illum pajjiżna għandu spazju ta’ viżibbiltà f’diversi postijiet li jkun hemm miljuni ta’ nies li jgħaddu kuljum u jinvesti wkoll f’numru ta’ ġurnalisti u influencers li jippromwovu l-esperjenza tagħhom hawnhekk f’pajjiżhom.

Biex dan il-pjan ’il quddiem jirnexxi jeħtieġ li nżommu f’moħħna li l-esperjenza ta’ kwalità li pajjiżna għandu joffri tinbena fuq strateġija li mhux biżżejjed li tkun fuq il-karta. Għalkemm sar progress jeħtieġ li nżommu f’moħħna li t-turist ta’ kwalità mhux se jiddejjaq idaħħal idejh fil-but u jonfoq, iżda biex jagħmel dan jistenna li jieħu lura valur għal flusu. It-turist mhux se jiġi u jieqaf sal-livell tal-lukanda li se jkun fiha. It-turist se joħroġ jesplora l-pajjiż. It-turist se joħroġ fit-toroq tagħna. Se jkun qiegħed josserva mill-qrib x’inhu għaddej. U għalhekk ma naffordjawx li nieħdu deċiżjonijiet li jistgħu jkunu qegħdin jirfsu fuq il-potenzjal li dan il-pajjiż kapaċi joffri.

Ekonomija

Sport