Sunday, December 22, 2024

NIPPROTEĠU LIT-TFAL U NGĦINUHOM JOĦOLMU

Aqra wkoll

Illum niċċelebraw il-Jum Dinji tat-Tfal. Wieħed mill-jiem internazzjonali stabbiliti min-Nazzjonijiet Uniti biex jiġu rikonoxxuti l-kisbiet li saru, u fejn dan ma sarx, jiġu żgurati li t-tfal ikollhom aċċess għad-drittijiet tagħhom, għal leħen tagħhom fis-soċjetà, għall-ħolm tagħhom. Minkejja li niċċelebraw dan il-jum għad fadal ħafna x’isir mhux biss f’pajjiżna imma anke ‘l barra minn xtutna. 

Ma nistgħux ma nfaħħrux il-ħidma tal-Ministeru Malti għall-Affarijiet Barranin u Ewropej fil-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda  fejn wara erba’ attentati falluti biex jadotta riżoluzzjoni dwar il-gwerra bejn Iżrael u l-Ħamas, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti nhar l-Erbgħa approva r-riżoluzzjoni 2712 li tressqet minn Malta biex ikun hemm “pawżi umanitarji estiżi immedjati” madwar l-Istrixxa ta’ Gaża biex jippermettu passaġġ sigur għall-għajnuna umanitarja. Filwaqt li ta’ min ifaħħar l-imġiba tal-Ministru Ian Borg li qal li dan kollu huwa frott il-kontribut ta’ dawk kollha li jappartjenu fil-Ministeru u mhux tiegħu personali, f’ritratt li qasam mas-segwaċi qal li t-tfal posthom l-iskola u mhux ifittxu lill-ommhom mirduma fil-gwerer.

Fuq livell lokali, il-gvern fl-aħħar snin introduċa diversi miżuri biex jiġi żgurat li, sa minn stadju bikri fil-ħajja tagħhom, it-tfal jingħataw l-aqwa opportunitajiet biex ikunu jistgħu jisfruttaw il-potenzjal sħiħ tagħhom. Bħala parti mill-impenn tiegħu lejn it-tfal, gvern Laburista fil-manifest elettorali kien wiegħed li se jibqa’ jżid iċ-children’s allowance b’żieda ta’ €450 fuq medda ta’ ħames snin. Mhux talli żamm dik il-kelma, iżda rajna kif fl-aħħar bugdet preżentat għas-sena d-dieħla din l-għotja se tkun l-ikbar waħda b’€250 għal kull wild. Din hija l-akbar żieda li qatt ingħatat fil-50 sena li ilu jeżisti dan il-benefiċċju u ser tolqot aktar minn 41,000 familja bi 62,000 tifel u tifla b’investiment ta’ €15.5 miljun.

Nemmnu wkoll li jekk pajjiżna jrid jaħdem lejn tkabbir fir-riżorsa umana fuq livell lokali jrid jinċentiva aktar lill-koppji b’benefiċċji li jgħinuhom jagħmlu l-kuraġġ biex ikabbru l-familja tagħhom. Nemmnu għalhekk li  żieda oħra fil-bonus għat-twelid u adozzjoni li minn €400 se jitla’ għal €500 għall-ewwel wild u minn €400 għal €1,000 għat-tieni wild ġdid jew aktar fil-familja hija waħda li tippromwovi din id-direzzjoni. Il-Gvern qiegħda jara wkoll t-twessigħ għal krediti tat-trobbija biex ġenituri li l-ewwel bnew familja u mbagħad daħlu fid-dinja tax-xogħol ikunu wkoll intitolati għal dawn il-krediti tat-trobbija u b’dan il-mod ma jkunux dikriminati quddiem dawn l-inċentivi l-ġodda maħsubin biex jgħinu lil dawk li għadhom se jibdew jibnu dak li diġà nbew huma.

Ħafna sar, u ħafna għad baqa’ x’isir biex id-drittijiet tat-tfal ikunu verament imħarsa. Però dak li sar huwa ċertament fid-direzzjoni t-tajba għal soċjeta aktar ġusta li tirrikonoxxi bil-fatti r-rwol centrali tal-ġenerazzjonijiet tal-lum u ta’ dawk li għad iridu jiġu. 

Ekonomija

Sport