Ilbieraħ filgħaxija, is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul ħabbar illi kien f’diskussjonijiet mal-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela u seta’ jikkonferma illi “ser ikunu qegħdin isiru l-arranġamenti neċessarji sabiex din is-sitwazzjoni ma tibqax fis-seħħ” u għalhekk nisa li jgħaddu minn korriment mhux se jkunu fl-istess sala ma’ min ikun għadu kemm iwelled.
F’kumment esklussiv li ta lil dan is-sit l, is-Segretarju Parlamentari Ellul saħaq illi “wara l-konferenza, li matulha smajt l-uġigħ ta’ dawn in-nisa u l-maħbubin tagħhom li jkunu għaddew minn korriment, li f’ċerti sitwazzjonijiet ikunu fl-istess post fejn ġenituri li jkunu għadhom kemm welldu tarbija, li bir-raġun ikunu qed jifirħu, jien mal-ewwel għamilt laqgħa mal-Ministru għas-Saħħa, l-Onorevoli Jo Etienne Abela, li min-naħa tiegħu kien konxju tas-sitwazzjoni. Sal-bieraħ stess erġajna ddiskutejna din il-materja, u nista’ nikkonferma li hemm l-infrastruttura neċessarja biex din is-sitwazzjoni ma tibqax isseħħ u għalhekk ser tkun qiegħda tiġi riżolta.”