Saturday, December 21, 2024

Nofs il-miżuri soċjali tal-budget 2022 se jkunu mwettqa sal-aħħar ta’ Jannar

Aqra wkoll

Sal-aħħar ta’ Jannar se jkunu diġà twettqu 14-il miżura tal-Budget 2022 minn 28 fdati l-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal biex jimplimentahom. Dan ifisser rata ta’ implimentazzjoni ta’ 50% sal-aħħar ta’ Jannar, li mistennija titla’ għal 82% sal-aħħar ta’ Marzu u 100% sal-aħħar ta’ Novembru.

Dawn id-dettalji tħabbru mill-Ministru għas-Solidarjeta’ u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon waqt konferenza tal-aħbarijiet nhar il-Ġimgħa filgħodu.

Fl-istess konferenza ġie spjegat kif għall-ewwel darba fl-istorja, in-nefqa fuq il-pensjonijiet se tilħaq is-somma ta’ biljun ewro matul is-sena 2022. Din in-nefqa telgħet daqshekk, minħabba ż-żidiet mħabbra fil-baġit għal din is-sena u li issa bdew jaslu għand il-pensjonanti minn dan ix-xahar.

Iż-żieda fil-pensjonijiet ta’ din is-sena ma kienitx iżolata, tant li din hija s-seba’ waħda konsekuttiva, b’dawn iwasslu għal żieda ta’ 44% fil-pensjonijiet, ekwivalenti  żieda ta’ kważi bin-nofs ta’ dak li kienet 8 snin ilu.

‘‘Dan l-impenn se jkompli jikber fis-snin li ġejjin għaliex nemmnu li għandna nagħtu s-sapport meħtieġ, u kemm jista’ jkun nnaqqsu l-piżijiet minn fuq in-nies. Il-politika tagħna qed tasal għand n-nies u nsemmi eżempju wieħed ta’ kif qed ngħinu l-aktar vulnerrabli. Illum rnexxilna nnaqqsu b’aktar minn nofs dawk li jiddependu fuq l-assistenza soċjali, fejn illum niżlu għal 6,400 minn 14,000 fl-2013’’, stqarr il-Ministru Michael Falzon.

Is-Segretarju Permanenti Mark Musu, spjega kif kull pensjonant qed igawdi minn żieda ta’ €1,687 jew 21.7% aktar ta’ dak li kien jieħu fl-2013. Sa Jannar biss, permezz tad-dħul ta’ dawn id-9 miżuri li  jolqtu direttament lill-familji u l-pensjonanti, se ssir b’nefqa t’aktar minn €30 miljun. Il-pensjonanti se jkunu l-maġġoranza tal-benefiċċjarji, b’din se tkun il-ħames żieda addizzjonali fil-pensjonijiet kollha mill-2018. Kull pensjonant se jkun qed igawdi minn żieda ta’ €5 fil-ġimgħa.

Iz-żieda hija ta’ €3.25 fir-rata tal-pensjoni u €1.75 għall-għoli tal-ħajja, bil-benefiċjarji huma dawk il-Pensjonanti ta’ l-Irtirar, tar-Romol, tal-Invalidità, u tal-Eta’.

Globalment din iż-żieda se tiswa €24m (fuq sena) u flimkien ma’ miżuri oħra għall-pensjonanti u t-tkabbir normali fin-numru ta’ pensjonanti matul is-sena se jwassal biex in-nefqa totali fuq pensjonijiet biss fl-2022 se tkun qed tilħaq kważi il-€1 biljun għall-ewwel darba. Din iż-żieda se tkun il-ħames żieda konsekuttiva mill-2018 l’hawn, minbarra ż-żidiet sostanzjali li kienu ngħataw fl-2016 u fl-2017 għal dawk il-pensjonanti fuq il-paga minima.

Il-pensjonanti tal-eta’ diġa rċivew l-ewwel pagamenti biż-żieda fil-pensjoni il-ġimgħa li għaddiet, dawk tal-Irtirar se jirċievuha mis-Sibt 8 ta’ Jannar, tar-Romol fil-15 ta’ Jannar, u l-Pensjonanti tal-Invalidita’ u dawk bil-Pensjoni minima se tasal għandhom fit-22 ta’ Jannar.

Mark Musu elenka wkoll il-miżuri l-oħra li se jidħlu fis-seħħ minn dan ix-xahar stess. Fil-fatt issa tidħol fis-seħħ iż-żieda ta’ €100 fil-Bonus li beda jitħallas fl-2020 għal kull twelid ġdid jew adozzjoni – se jiżdied għal €400 kull wild. Dawk li jieħdu l-Assistenzi Soċjali għall-ewwel darba se jibdew jirċievu iż-żieda għall-Ogħli tal-Ħajja sħiħa. 

Jidħlu fis-seħħ ukoll it-twessiegħ tal-limitu tal-kapital għal min ikun ilu mill-anqas 5 snin jieħu l-Pensjoni tal-Eta’ Non-Kontributorja u jiret xi assi jew jagħti donazzjonijiet lill-ulied. Intant persuni fuq il-Pensjoni tal-Invalidità li jgħixu mal-ġenituri tagħhom se jibdew jiġu ttrattati bħala li jgħixu għal rashom għall-fini tal-Assistenza għal-Mard waqt li se jitneħħew l-aħħar ftit testijiet tal-mezzi biex wieħed jikkwalifika għall-Assistenza għal Diżabiltà Severa u Assistenza għal Diżabiltà.

‘‘Ma’ dan il-Gvern kulħadd jaf fejn qiegħed, u nemmen li għandna r-ruħ soċjali b’saħħitha li se tkompli twassal biex il-ġid ikun aċċessibli għal kulħadd. Nemmen illi permezz ta’ bilanċ bejn is-saħħa u l-ekonomija, nistgħu nkomplu niksbu aktar tragwardi flimkien li fuq kollox jirrifletu f’ġejjieni aħjar għalina lkoll’’, temm jgħid il-Ministru Michael Falzon.

Ekonomija

Sport