Tuesday, April 30, 2024

Norma Saliba maħtura bħala l-Kap il-ġdida tal-Kamra tal-Aħbarijiet tal-PBS

Aqra wkoll

Norma Saliba hija l-Kap il-ġdida tal-Kamra tal-Aħbarijiet tal-PBS u Editur Reġistrat tal-mezzi tax-xandir pubbliku wara li l-bord tad-diretturi tal-PBS approva l-ħatra tagħha b’mod unanimu.

Norma hija ggradwata b’Baċellerat fl-Istudji Kontemporanji Mediterranji u b’Masters fl-Istudji Ewropej. Hija għandha aktar minn 20 sena esperjenza fil-ġurnaliżmu, kemm mal-istazzjon nazzjonali u anke ma’ stazzjonijiet privati.

Bdiet il-karriera bħala ġurnalista sportiva meta kellha 16-il sena u fl-2004 ingħaqdet mal-Kamra tal-Aħbarijiet tal-PBS bħala ġurnalista u newscaster.

Il-karriera ġurnalistika esponietha għal diversi opportunitajiet, ewlenin fosthom kienet il-ġurnalista li rrapportat b’mod estensiv l-avvenimenti li seħħew Malta u barra għall-istazzjon nazzjonali fi żmien il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-UE fl-2017; ippreżentat u pproduċiet diversi programmi ta’ ġrajjiet kurrenti fosthom TVAM għal tliet snin wara xulxin; u rebħet diversi unuri fl-IĠM Awards.

Fl-2017 kienet l-ewwel mara li mexxiet l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin u meta kienet studenta universitarja nħatret bħala l-ewwel Ċerpersin tal-għaqda tal-midja Insite.

Matul il-karriera ħadmet ukoll fil-qasam tal-fondi Ewropej (2008) u mal-MEUSAC bejn l-2011 u l-2013. riċentement kienet qed tokkupra l-kariga ta’ Uffiċjal għar-Relazzjonijiet Pubbliċi fl-Uffiċċju tal-President.

Sport