Monday, May 13, 2024

Obbligatorju l-ilbies tal-maskra minn nhar is-Sibt li ġej

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

Minn nhar is-Sibt se jiġi estiż l-obbligu tal-ilbies maskra anke f’postijiet pubbliċi fil-miftuħ. Dan ifisser li se jkun mandatorju li l-maskra tintlibes kullimkien. 

Ħabbar dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne waqt konferenza tal-aħbarijiet li fiha ħabbar servizz tas-saħħa ġdid għall-kura tas-saħħa mentali. Huwa qal li dan qed isir, biex flimkien mal-booster u l-osservanza tal-miżuri fis-seħħ, inkunu nistgħu xorta waħda ngawdu l-Milied b’mod responsabbli.

Fejn jidħlu miżuri ta’ restrizzjonijiet, Fearne qal li fil-pajjiżi Ewropew dawn qed jerġgħu jiżdiedu. Qal li f’Malta qed jistennew li jkollna żieda fil-każijiet anke minħabba l-fatt li matul il-ġranet li ġejjin l-attività soċjali jiżdied, apparti mill-fatt li qed jantiċipaw li fil-futur jasal il-varjant Omicron. 

Semma kif il-varjant l-aktar prevalenti li għadu preżenti f’pajjiżna huwa tad-Delta u jidher li sal-lum għad m’għandniex każi ta’ Omicron. Żied jgħid iżda li nkunu qed ngħixu f’ħolma jekk naħsbu li l-Omicron ma jidħolx f’pajjiżna.

“Il-miżuri li qed nieħdu f’dak li għandu x’jaqsam l-ivvjaġġar huma importanti imma nkunu rresponsabbli jekk naġixxu li l-Omicron f’pajjiżna ma jasal qatt.”

Madanakollu, spjega li għalissa mhux se jżiedu miżuri li jimpattaw fuq in-negozji jew li jimpattaw il-ħajja soċjali tagħna. Sostna li dawk il-miżuri li hemm fis-seħħ, fosthom ir-restrizzjoni li jekk tlaqqa’ n-nies fid-dar tiegħek trid iżżomm sa massimu ta’ erba’ households, għandhom jiġu osservati.

Id-Deputat Prim Ministru ħabbar ukoll li fejn jidħol it-tilqim tat-tfal, l-ewwel tilqim tal-Covid-19 għal tfal bejn il-5 u 11-il sena se jasal f’Malta fit-13 ta’ Diċembru biex minn l-għada stess jibda jingħata bl-ewwel preċedenza jkun tfal li għandhom mard meqjus bħala vulnerabbli. Spjega li d-doża għat-tfal hija ta’ madwar terz ta’ dik mogħtija lill-adulti.

Semma ukoll li kien hemm aħbar tajba mingħand il-kumpanija Pfizer fejn jidher li minn testijiet li kkonkludew huma, jidher li t-tielet doża (booster) tilqa’ għal kontra l-Omicron. Id-Deputat Prim Ministru ddeskriva din bħala aħbar tajba ħafna għalina speċjalment għax konna fost l-ewwel pajjiżi li beda jagħti l-booster. Qal li 33% tal-popolazzjoni eliġibbli llum ħadet il-booster fil-gżejjer tagħna u li dan jawgura tajjeb.

F’dan ir-rigward, spjega li 85% tal-persuni li għandhom ‘l fuq minn 70 sena huma mlaqqma; 65% ta’ dawk li għandhom bejn 60-70 sena huma mlaqqma u ftit inqas minn terz ta’ dawk li għandhom bejn 50-60 sena huma mlaqqma. 

Qal li bħalma jaf kulħadd hemm ir-reġistrazzjoni miftuħa għal kull min għandu ‘l fuq minn 50 sena. Fil-ġimgħat li ġejjin se jitħabbar kif se tkun qed timxi r-reġistrazzjoni għall-etajiiet l-oħra.

Qal li sal-lum it-tielet doża kienet qed tingħata sitt xhur wara t-tieni doża, pero ħabbar li mil-lum se jitnaqqas il-perjodu ta’ bejn it-tieni u t-tielet doża għal minimu ta’ erba’ xhur. B’dan il-mod, dan ifisser li dawk il-persuni li rċevew it-tilqima sa erba’ xhur ilu jistgħu jieħdu l-booster biex ikollhom l-immunità msaħħa.

Sport