Thursday, April 25, 2024

“Obbligu li noħolqu diskussjonijiet mal-Ministeru”

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Is-Sezzjoni tal-Edukazzjoni fi ħdan il-GWU b’reazzjoni dwar id-dewmien fil-ħlas dovut tal-LSEs iggradwati

B’reazzjoni għal ilment ta’ Learning Support Educator (LSE) li minkejja ggradwat trid tistenna sentejn għall-ħlas fil-grad mistħoqq, il-kelliem tas-Sezzjoni tal-Edukazzjoni fi ħdan il-GWU, Gabriel Pullicino, saħaq li bħala Unions tal-edukaturi huma fl-obbligu li joħolqu diskussjonijiet mal-Ministeru tal-Edukazzjoni ħalli tinstab soluzzjoni fir-rigward. 

“Hija xi ħaġa pożittiva li għandna edukaturi li minn jeddhom ikomplu bl-istudju u stħarriġ tagħhom ħalli jtejjbu l-ħiliet professjonali,” beda Pullicino. Huwa qal li f’din l-aħħar sena kien hemm numru ta’ LSEs li ggradwaw u b’hekk għandhom Degree fil-linja tax-xogħol tagħhom. Filwaqt li saħaq fl-importanza li inizjattivi bħal dawn għandna nkomplu ninkoraġġuhom ħalli s-settur edukattiv jikber u jadatta għaż-żmienijiet tal-lumm, huwa nnota li, “hija ħasra li l-ftehim kollettiv attwali, minflok ra kif jippremja l-inizjattivi personali u professjonali, sewa ta’ detterent”.

L-ilment ippubblikat fuq dan il-ġurnal ftit tal-ġranet ilu kien minn LSE li taħdem fi skola tal-Knisja fejn minkejja li temmet b’suċċess id-Degree għal LSE3, id-dipartiment responsabbli mill-ħruġ tal-pagi infurmaha li se jkollha tistenna madwar sentejn biex tibda titħallas tal-grad li jistħoqqilha skont il-kwalifiċi ġodda tagħha.

Din l-edukatriċi b’dispjaċir kient qalet li din hija sitwazzjoni totalment inġusta lejha u lejn kull LSE li, b’sagrifiċċju u minn butha, stinkat biex tistudja u hemm dan id-dewmien kollu minflok proċess awtomatikament ta’ żieda fil-paga mal-gradwazzjoni. 

Sadanittant, wara l-pubblikazzjoni ta’ dan l-artiklu L-ORIZZONT irċieva telefonati b’ilmenti fir-rigward minn LSEs oħra u dan jikkonferma li s-sitwazzjoni hija reali u tolqot lil diversi Learning Support Educators lokali. 

Dan il-kelliem għas-Sezzjoni tal-Edukazzjoni fi ħdan il-GWU qal li, “id-diskussjonijiet mal-Ministeru għandhom isiru biex insibu soluzzjoni ħalli dawn il-professjonissti mill-aktar fis, tal-inqas jieħdu l-ħlas marbut mal-kisbiet tagħhom”. 

Gabriel Pullicino fi tmiem l-intervent tiegħu stieden lil LSEs li jinsabu f’din is-sitwazzjoni, biex jikkuntattjaw lis-sezzjoni tagħhom fuq: [email protected]

Sport