Friday, April 19, 2024

“Il-verità hi li s-sewwieq warrab l-interessi personali tiegħu biex evita traġedja”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Dilettant tal-motorsports jgħid li r-rapporti fil-midja taw stampa oħra ta’ dak li ġara f’Ħal Far

“Jiddispjaċik ħafna ħeqq meta tara dawn l-affarijiet. Ironikament sakemm aħna konna qegħdin inħokku rasna naraw jekk kienx hemm xi fatalità jew x’kienet il-problema teknika li minħabba fiha s-sewwieq ma setax inaqqas il-veloċità tiegħu fil-ħin, mezzi tax-xandir diġà kellhom il-verżjoni tagħhom dwar x’kien ġara”. Dan kien l-ewwel kliem ta’ wieħed mid-dilettanti tal-motorsports li lbieraħ kien preżenti meta seħħ l-inċident f’Ħal Far.

Huwa beda biex jispjegalna li ma huwa ta’ l-ebda gost u pjaċir li xi ħadd mis-sewwieqa; minn dak l-iżgħar li nefaq biss ftit eluf sa dak li jonfoq kull euro li jkollu għax għalih dik tkun ħajtu, li jattendi biex itejjeb il-ħin tiegħu u jispiċċa bil-karozza tiegħu f’dak l-istat u jikkawża tali ħsarat.

“Il-fatt huwa li dan is-sewwieq bħall-maġġoranza tal-oħrajn li jidħlu hemm ġew għandhom esperjenza kbira fit-trakka. Dan ir-raġel f’ħin ta’ sekondi sab ruħu f’sitwazzjoni li jrid jara kif iwaqqaf il-karozza minħabba li kien hemm problema teknika fil-parachute li kellu jinfetaħ meta s-sewwieq jiġi biex inaqqas tali veloċità”, kompla jgħid magħna.

Żied jgħidilna li għalkemm ir-rapporti fil-midja ffukkaw fuq it-tifla u l-fatt li ndarbet kawża tal-ħabta, sfortunatament wassal għal ħafna kummenti ta’ mibegħda fil-konfront tas-sewwieq. Dan meta s-sewwieq kien lemaħ xi tfal jilagħbu wara grada li kien hemm fin-naħa l-oħra tat-triq u għal min jifhem jaf li hu mhux talli ġab lil dawk it-tfal quddiemu, talli warrab l-interessi kollha tiegħu biex jevita traġedja. Infatti jidher li s-sewwieq deher jipprova manuvra biex jeqleb il-vettura fuq is-saqaf biex b’hekk din tilħaq titlef il-veloċità tagħha sakemm jasal sa ħdejhom. Meta s-sewwieq induna li ma kienx hemm biżżejjed distanza biex jagħmel dan, għażel li jidħol fil-ħajt biex jevita lil dawk it-tfal. 

“It-tfal kienu madwar tlieta u meta semgħu l-karozza tfixklu, beżgħu u filwaqt li uħud minnhom ġrew in-naħa l-oħra tad-direzzjoni li fiha kienet sejra l-karozza, it-tifla ta’ 14-il sena jidher li fil-fixkla tal-mument marret lejn l-istess direzzjoni tal-ħabta u ntlaqtet minn xi ġebel li tar mal-impatt”, tenna jgħidilna.

“Għaliex dan kollu? Ovjament nifhem lill-ġenituri ta’ dik it-tifla, nifhem il-ħasda tagħhom, iżda mhux ġust li l-midja lilna tirrapurtana meta jseħħu dawn l-inċidenti meta nagħmlu sena sħiħa nippruvaw niġbdu l-attenzjoni tagħhom meta jkollna xi attivitajiet. Dan huwa sports li jattira interess kbir mill-barranin u jgħin fit-turiżmu. Tmiem din il-ġimgħa stess hawn numru ta’ sewwieqa barranin u dilettanti oħra li jattendu b’interess kbir biex isegwu l-attivitajiet organizzati f’Ħal Far”, temm jgħid ma’ dan is-sit dan iż-żagħżugħ.

“Determinat li nara t-twettiq tal-proġett ta’ faċilità li tilħaq l-ogħla standards ta’ saħħa u sigurtà”

Is-Segretarju Parlamentari għall-Isports Clifton Grima

Dan is-sit ħa r-reazzjoni tas-Segretarju Parlamentari għall-Isports Clifton Grima b’rabta ma’ dan l-inċident. Grima, filwaqt li esprima s-sogħba tiegħu qal li l-ħsibijiet tiegħu u tal-komunità sportiva jinsabu kemm mas-sewwieq, mat-tifla involuta fl-inċident, kif ukoll il-familjari li sofrew waqt dan l-incident. Saħaq li illum iktar minn qatt qabel determinat li jara t-twettiq tal-proġett ta’ faċilità tal-motorsport li tkun ta’ livell internazzjonali u allura tilħaq l-ogħla standards ta’ saħħa u sigurtà.

Sport