Saturday, May 4, 2024

Olimpjadi tax-Xitwa: It-Taljani jiddominaw fil-curling

Aqra wkoll

Fit-tielet ġurnata tal-Olim­pjadi tax-Xitwa li qed isiru f’Beijing, iċ-Ċina, l-Isvezja jinsabu fil-quċċata tal-lista tal-midalji meta reb­ħu erbgħa tad-deheb, waħda tal-fidda u oħra tal-bronż, segwit mill-Olanda, iċ-Ċina, il-Ġermanja u n-Norveġja, li rebħu waħda inqas minnhom.

CURLING

Mixed Doubles

L-Italja rebħet il-midalja tad-deheb fil-mixed doubles curling, u temmew Olim­pjadi kważi perfetti.

Ir-rebħa ta’ 8-5 kontra n- Norveġja fl-Ice Cube kienet prestazzjoni dominanti għal Amos Mosaner u Stefania Constantini. It-Taljani kienu bla telfa fir-round-robin u mbagħad għaddew għall-partita tal-midalja tad-deheb b’rebħa ta’ 8-1 fuq l-Isvezja.

Kristin Skaslien u Magnus Nedregotten  ħadu midalja tal-fidda lura fin-Nor­veġja erba’ snin wara li kis­bu l-bronż f’Pyeongchang.

L-Isvezja rebħu l-midalja tal-bronż, meta ddominaw lill-Brittanja 9-3.

ALPINE SKIING

Super-G tal-Irġiel

Iċ-champion renjanti Matthias Mayer tal-Awstrija rebaħ is-Super-G tal-irġiel, li hija t-tielet midalja tad- deheb Olimpika tiegħu.

Ryan Cochran-Siegle tal- Istati Uniti kien 0.04 sekondi lura fit-tieni post u l-leader tas-Super-G tat-Tazza tad-Dinja, Aleksander Aamodt Kilde, tan-Norveġja, kien 0.42 lura fit-tielet post.

BIATHLON

20km Individwali tal-irġiel

Quentin Fillon Maillet ta’ Franza rebaħ b’mod deċiżiv fil-biathlon individwali ta’ 20 kilometru, u żied midalja tad-deheb mal-fidda li rebaħ fil-mixed relay.

Fillon Maillet falla tnejn minn 20 mira u temm il-korsa fi 48 minuta, 47.4 sekondi. Anton Smolski tal-Belarus laqat l-20 mira tiegħu, iżda daħal 14.8 sekondi wara l-Franċiż.

Iċ-champion Olimpiku individwali renjanti, Johannes Thingnes Boe tan-Norveġja, ukoll falla żewġ miri u ħa l- midalja tal-bronż.

CROSS-COUNTRY SKIING

Free Sprint tal-irġiel

Johannes Hoesflot Klaebo tan-Norveġja ddefenda t-titlu Olimpiku tiegħu tal-cross-country sprint meta llidja l-finali kollha.

Klaebo rebaħ f’2 minuti, 58.06 sekondi. Frederico Pellegrino tal-Italja ħa l-fidda, .26 sekonda wara, u r-Russu, Alexander Terenteva, kiseb il-bronż, 1.31 wara.

Free Sprint tan-Nisa

Jonna Sundling tal-Isvezja rebħet it-tellieqa fi 3:09.68, u spiċċat 2.88 sekondi qabel il-kompatrijotta tagħha, Maja Dahlqvist, waqt li Jessie Diggins tal-Istati Uniti ħadet il-bronż, 3.16 sekondi wara.

FREESTYLE SKIING

Big Air tan-nisa

Eileen Gu taċ-Ċina, imwielda fl-Amerika, ħarġet l-ewwel 1620 tal-karriera tagħha fl-aħħar qabża, meta sturdiet lil Tess Ledeux ta’ Franza u kisbet l-ewwel waħda minn dawk li tittama li jkunu tliet midalji tad-deheb fil-freestyle big air tan-nisa.

Ledeux hija l-unika mara oħra li qatt ħarġet 1620 – 4½ spins – f’kompetizzjoni, u ħarġet waħda b’xi wobble żgħir fuq l-inżul fl-ewwel round. Ledeux rebħet il-fidda u Mathilde Gremaud tal- Isvizzera rebħet il-bronż.

SNOWBOARD

Parallel Giant Slalom irġiel

It-tieni seed, Benjamin Karl tal-Awstrija, għeleb lil Tim Mastnak tas-Slovenja għad-deheb waqt li r-Russu, Vic Wild, ħa l-bronż bħala seed numru 9.

Wild, li hu mill-Istati Uniti u ngħata ċittadinanza Russa fl-2012, rebaħ id-deheb fil-Logħob ta’ Sochi 2014.

Parallel Giant Slalom Nisa

Ester Ledecka tar-Repubblika Ċeka ddefendiet it-titlu Olimpiku tagħha tal-Parallel Giant Slalom tas-snowboard b’ġirja finali ta’ malajr fuq korsa veloċi.

Fit-tellieqa tal-midalja tad-deheb, l-aqwa seed, Ledecka, fetħet vantaġġ bikri fuq Daniela Ulbing, u poġ­ġiet pressjoni fuq l-Awstrijaka matul il-korsa kollha. Ulbing għamlet żball u aktar tard ħarġet mill-korsa. Gloria Kotnik tas-Slovenja kisbet il-bronż.

SPEEDSKATING

1,500 metru tal-irġiel

Kjeld Nuis tal-Olanda sar l-ewwel speedskater mill-1994 li ddefenda b’suċċess it-titlu Olimpiku tal-1,500 metru tal-irġiel, meta għe­leb lill-kompatrijott tiegħu, Thomas Krol.

Iċ-champion tad-dinja renjanti, Krol, kiser ir-rekord Olimpiku ta’ 20 sena fit-tellieqa tiegħu. Nuis mar aktar malajr fil-koppji li jmiss, meta qasam il-linja b’ħin ta’ 1 minuta, 43.21 sekondi.

Kien għad fadal tliet pari oħra, iżda ħadd ma resaq qrib dawk Olandiżi. Nuis ħa t-tielet deheb ta’ pajjiżu f’erba’ avvenimenti f’dawn il-Logħob, filwaqt li t-tieni post ta’ Krol ta’ 1:43.55 ta total ta’ sitt midalji lill-Olanda.

Sport