Sunday, May 19, 2024

Snooker – Players Championship – Robertson u Williams jibdew b’rebħa

Aqra wkoll

Neil Robertson issupera konfront diffiċli meta għe­leb lil Kyren Wilson 6-4 fl-ewwel ġurnata tal-Players Championship li qed isir f’Wolverhampton, filwaqt li Mark Williams għeleb lil Gary Wilson 6-3. Magħhom għaddew Barry Hawkins u Yan Bingtao.

Breaks ta’ 114 u 60 għenu lil Robertson imur 2-1 fil-vantaġġ. Huwa mbagħad rdoppjah lejn nofs is-sessjoni, meta għamel l-iskor 3-1.

Iżda Wilson issielet lura meta rebaħ żewġ frames fuq xulxin u kiseb il-paritá 3-3. Robertson wieġeb b’94, qabel ma Wilson għamel 141 u l-iskor sar 4-4.

Break ta’ 100 ressaq lil Robertson frame mir-rebħa li huwa kisbu bi clearance ta’ 47 sas-sewda.

Iċ-champion tad-dinja tliet darbiet, Williams, ma kienx fluwenti, iżda tliet frames wara xulxin wara li kienu 3-3 kienu biżżejjed biex jissiġilla ir-rebħa.

Fiż-żewġ logħbiet li saru l-bieraħ wara nofs in-nhar, Hawkins għeleb liċ-champion tal-German Masters, Zhao Xintong, 6-3 meta għamel breaks ta’ 63, 91, 94, 71 u 50 u Zhao tnejn ta’ 90 u 62.

Yan nesa t-telfa tal-German Masters kontra Zhao meta għeleb lil David Gilbert 6-4. Huwa pproduċa tliet centuries ta’ 100, 135 u 123 u oħrajn ta’ 80, 66 u 59. Gilbert għamel tlieta ta’ 54, 83 u 75.

Sport