Sunday, February 2, 2025

Onorat ħafna li rbaħt l-unur tal-Player tas-Sena tal-ASA – Julian Valletta

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-waterpolo?

Minn t’etá żgħira kont immur m’ommi nara lil missieri, Jonathan, jilgħab u meta waqaf jilgħab kont nieħu gost immur miegħu nara l-logħob u minn hemm nibtet l-imħabba tiegħi lejn dan l-isport.  Ftit wara fl-etá ta’ seba’ snin bdejt nittrenja waterpolo man-Neptunes.    

X’tikkummenta fuq l-unur li rbaħt tal-ASA l-Ewwel Diviżjoni Plejer tas-Sena 2024?

Onorat ħafna li rbaħt dan l-unur. Dan kien frott ta’ ħidma kbira fuq medda ta’ snin li wassal biex intejjeb il-livell tiegħi. Dan ma kienx ikun possibli mingħajr l-għajnuna u l-fiduċja kbira li kellhom fit-talent tiegħi l-kowċ tan-Neptunes Alexander Ciric, il-kowċ tan-Nazzjonal Milan Cirovic u l-kowċ ta’ Marsaxlokk Sasa Misic. Minn hawn nixtieq nirringrazzjahom tas-sapport kontinwu li tawni.

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Neptunes.

Ghalkemm dan l-unur irbahtu s-sajf li ghadda meta kont plejer misluf ma’ Marsaxlokk, preżentament jien plejer tan-Neptunes. Din is-sena qed ningħata l-opportunitá li nilgħab fl-ogħla diviżjoni mal-klabb tan-Neptunes, b’hekk qiegħed nittrejnja u nilgħab ma’ plejers tal-ogħla livell fil-waterpolo Malti. Inħossni kburi li bdejt l-esperjenza tiegħi fil-waterpolo man-Neptunes u li llum il-ġurnata nifforma parti mill-ewwel tim ta’ dan il-klabb.

X’tikkummenta fuq l-andament ta’ Marsaxlokk ASC matul is-sajf li għadda?

Is-sajf li għadda Marsaxlokk kellna staġun memorabbli, fejn konna l-iżgħar tim fil-kampjonat u rbaħna l-kampjonat mingħajr ma tlifna punt wieħed. Irbaħna wkoll is-Supercup. Irrid nieħu l-opportunitá li nirringrazzja l-president Victor Fenech u l-kumitat ta’ Marsaxlokk li tant emmnu fil-kwalitá taghna ż-żgħażagħ.

X’inhuma t-tragwardi tagħkom bħala Neptunes WPSC għas-sajf li ġej?

Għas-sajf li ġej it-tragward tagħna hu li nisfidaw għall-unuri prinċipali li joffri l-waterpolo Malti. Dan mhux se jkun tragward faċli għax it-tim għaddej minn perjodu ta’ transizzjoni fejn qed tingħata opportunitá lill-plejers żgħażagħ bħali biex jidħlu fl-iskwadra.

X’tikkummenta fuq il-kowċ ta’ Neptunes, Alexander Ciric?

Il-kowċ tan-Neptunes Alexander Ciric kien plejer kbir u anke rebaħ diversi unuri fuq livell internazzjonali u bl-esperjenza li għandu jgħinna bis-sħiħ biex niżviluppaw kemm it-talenti individwali u niżviluppaw ukoll tattikament bħala tim. Hu, flimkien mal-kowċ Milan Cirovic, kien wieħed mill-ewwel kowċis li raw it-talent, emmnu fija u tawni l-opportunitá biex nilgħab. Hawnhekk, ma rridx ninsa wkoll lill-kowċ Sasa Misic li hu wkoll emmen fija u għenni niżviluppa l-kunfidenza fija nnifsi.

Tqis li tagħmel esperjenza barra minn Malta fil-futur?

Jekk tiġini l-opportunitá, ma neskludix il-possibiltá li nilgħab barra minn Malta.

Iddeskrivi l-esperjenza tiegħek sa issa mat-tim nazzjonali taż-żgħażagħ tal-waterpolo.

Huwa dejjem unur kbir li tirrapreżenta lil pajjiżek f’kompetizzjonijiet internazzjonali. Kelli din l-opportunitá diversi drabi peró l-qofol tal-esperjenza tiegħi mat-tim nazzjonali s’issa lħaqtu meta lgħabt fil-Kampjonati Ewropej ta’ taħt is-17-il sena fejn ikklassifikajna fil-11-il post  u anke fil-Kampjonati Ewropej ta’ taħt id-19-il sena.

Dawn l-esperjenzi kienu uniċi ghax tawni togħma tal-logħba internazzjonali u lgħabt kontra l-aqwa plejers tal-waterpolo fl-Ewropa. Barra minnhekk hija wkoll esperjenza sabiħa għax tkun qed tilgħab mal-krema tal-plejers ta’ Malta.

Kif tqis il-livell tal-waterpolo lokali fil-preżent?

Inħoss li l-livell tal-waterpolo Malti huwa pjuttost għoli u r-riżultati tat-tim nazzjonali jirriflettu dan. Peró, inħoss ukoll li għad hemm ħafna fejn nitjiebu. Qed isir ħafna xogħol u investiment f’kowċis mill-klabbs kollha u dan jawgura tajjeb għall-futur.

U dak tar-riżorsi (pixxini) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?

Illum il-ġurnata hawn diversi pixxini fejn nistgħu nitħarrġu u l-faċilitajiet huma ta’ livell għoli, peró, inħoss li dawn xorta mhux ilaħħqu mad-domanda li hawn għall-isport akwatiku f’pajjiżna.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-waterpolo?

It-tragward tiegħi huwa li fil-futur qrib nintgħażel biex nilgħab mat-tim nazzjonali Malti tal-kbar. Nixtieq ukoll li jkolli parti integrali fir-rebħ t’aktar unuri għall-klabb tan-Neptunes.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jilgħab il-waterpolo.

Il-waterpolo huwa sport sabiħ. kemm biex tilagħbu u anke biex tarah. Huwa sport pjuttost impenjattiv, fejn l-għawm u s-saħħa fiżika huma żewġ elementi fundamentali, għalhekk wieħed irid ikun iffukat minn etá żgħira u lest jagħmel ħafna sagrifiċċji.

Il-waterpolo huwa sport kompetittiv ħafna, peró, dejjem trid iżżomm f’moħħok li trid ukoll tieħu pjaċir tilgħab u tgawdi minn relazzjoni tajba ħafna ma’ sħabek tat-tim.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport