Iċ-champion renjanti tal-Open ta’ Wimbledon, Carlos Alcaraz, entużjażma lill-partitarji b’rebħa stupenda fuq l-Awstraljan, Aleksandar Vukic, biex ikkwalifika għat-tielet round.
L-ewwel set kien mill-aktar eċċitanti qabel ma l-Ispanjol ħa l-kontroll tal-logħba biex ħareġ rebbieħ 7-6 (7-5) 6-2 6-2.
Alcaraz qed jipprova jirbaħ it-tieni Grand Slam konsekuttiv wara li fix-xahar li għadda huwa ttrijonfa fl-Open ta’ Franza.
“Ninsab tassew kuntent bil-prestazzjoni tiegħi,” qal iż-żagħżugħ ta’ 21 sena.
“L-ewwel set kien importanti għalija għax kont nervuż. Vukic kien tassew viċin.
Wara li wasal permezz ta’ five-setter kontra Sebastian Ofner fl-ewwel round, Vukic deher għajjien u kien qed jitlef 5-2 kontra Alcaraz fl-ewwel set.
Madankollu, huwa rkupra tajjeb wara li rebaħ tliet drop shots u wera logħob intelliġenti biex kiseb id-draw ta’ 5-5. Imbagħad iż-żewġ players rebħu set kull wieħed biex kellu jiġi deċiż b’tie-break.
Vukic deher li kien se jerġa’ jagħmel rimonta oħra fit-tie-break meta minn 5-1 tela’ għal 5-4.
Iżda Alcaraz żied l-intensità biex rebaħ l-ewwel set qabel iddomina u rebaħ iż-żewġ sets l-oħra bi stil.
In-numru tlieta tad-dinja issa se jiffaċċja lid-29 seed, l-Amerikan Frances Tiafoe.
*Ir-Russu, Daniil Medvedev, iġġieled lura wara li kien fi żvantaġġ ta’ set biex għeleb lill-Franċiż, Alexandre Muller.
Ir-Russu, li huwa ssidjat fil-ħames post, rebaħ 6-7 7-6 (7-4) 6-4 7-5 wara tliet sigħat u 28 minuta.
“Qatt ma kien faċli iżda rnexxieli nibqa’ sod, nibqa’ fil-logħba u nipprova niġġieled lura,” qal Medvedev, 28 sena.
“Ninsab kuntent bir-rebħa – imissni nilgħab ħafna aħjar imma meta tirbaħ, hemm ir-round li jmiss biex tagħmel aħjar.”
*It-tmien seed, in-Norveġiż Casper Ruud, safa eliminta mis-seed 94, it-Taljan, Fabio Fognini, 6-4 7-5 6-7 (1-7) 6-3.
Din hija t-tielet sena konsekuttiva li n-Norveġiż Ruud, tilef fit-tieni round f’Wimbledon. Huwa jippreferi jilgħab fuq it-tafal u art iebsa aktar milli fuq il-ħaxix.
*Fil-kategorija tan-nisa, l-Amerikana Coco Gauff, avvanzat għat-tielet round meta għelbet lir-Rumena, Anca Todoni. Hija ħadet 66 minuta biex kisbet din ir-rebħa 6-2 6-1.
Gauff se tilgħab kontra l-Ingliża, Sonay Kartal, li ksibet l-akbar rebħa tal-karriera tagħha meta għelbet lill-Franċiża, Clara Burel, 6-3 5-7 6-3.
Il-11-il seed l-Amerikana, Danielle Collins rritornat lura bil-kbir meta ħarġet rebbieħa 6-3 7-6 (7-4) fuq id-Daniża, Clara Tauson, f’logħba li kellha tiġi sospiża għal ftit ħin minħabba li d-dawl ma kienx qawwi biżżejjed u l-art kienet tiżloq.
Il-21 seed, l-Ukrena, Elina Svitolina, kellha titħabat aktar mis-soltu biex warrbet l-isfida tal-Pollakka, Magda Linette, 7-5 6-7 (9-11) 6-3.
Tard filgħaxija, il-Brittanika Emma Raducanu, ma tantx sabitha diffiċli biex għelbet lill-Belġjana, Elise Mertens, 6-1 6-2.
Kif jindika r-riżultat, Raducanu li hija ssidjata fil-135 post, iddominat dan il-konfront biex kompliet tavvanza għat-tielet round. Dan huwa l-ewwel tournament għaliha mindu rebħet il-US Open, fl-2021, minħabba injury fit-tul.