Thursday, October 17, 2024

Open ta’ Wimbledon: Novak Djokovic kellu jitħabat

Aqra wkoll

Is-Serb, Novak Djokovic, kellu jitħabat biex ikkwalifika għat-tielet round tal-Open ta’ Wimbledon meta għeleb lill-Britanniku, Jacob Fearnley, 22 sena, 6-3 6-4 5-7 7-5.

Ta’ min jgħid li Fearnley, li huwa rrankjat fis-227 post, spiċċa l-istudji universitarji tiegħu fl-Istati Uniti.

Sitt ġimgħat wara, kien qed jipprova jegħleb wieħed mill-aqwa players ta’ kull żmien fuq l-aktar court tat-tennis emblematik tad-dinja.

Waqt li għamel id-debutt tiegħu fil-main-draw fl-All England Club, Fearnley wera t-talent tiegħu meta kkawża problemi serji għaċ-champion ta’ 24 Grand Slams.

Fearnley ingħata ovazzjoni tremenda li ngħaqad magħha Djokovic ukoll.

“Hu lagħab tennis tajjeb ħafna u jistħoq­qlu applaws kbir,” qal Djokovic.

“Ma kellix ċans narah jilgħab sa jumejn ilu, dejjem hemm element ta’ sorpriża u ma kellu xejn x’jitlef.

“Potenzjalment, din il-logħba kellha tidħol fil-ħames set għal mod kif Fearnley lagħab ir-raba’ wieħed. Iżda ninsab kuntent li ssuperajt lil dan il-player.”

L-għaxar seed, il-Bulgari Grigori Dimit­rov, ukoll kellu jitħabat biex għeleb liċ-Ċiniż, Juncheng Shang li hu kklassifikat fil-91 post, 5-7 6-7 6-4 6-2 6-4.

Il-logħba kienet karatterizzata minn numru kbir ta’ aces, b’Dimitrov jolqot 19 u Shang 18, filwaqt li ż-żewġ players wettqu 9 double faults. Il-prestazzjoni superjuri ta’ Dimitrov kienet evidenti fl-avviċinamenti tiegħu, fejn rebaħ 21 punt kontra sitta ta’ Shang. Issa Dimitrov se jiffaċċja lil Gael Monfils.

Fil-kategorija tan-nisa, l-għaxar seed, l-Amerikana, Jessica Pegula, sfat eliminata miċ-Ċiniza, Xinyu Wang,  li hija rrankjat fit-42 post. Din tal-aħħar rebħet 6-4 6-7 6-1.

In-numru 10 fid-dinja, it-Tuneżina OnsJabeur, għaddiet għat-tielet round b’rebħa ta’ 6-1 7-5 fuq l-Amerikana, Robin Montgo­mery. 

Il-21 seed, l-Ukrena Elina Svitolina, ipproduċiet wirja konvinċenti  biex għelbet lill-Ġermaniża, Jule Niemeier 6-3 6-4. B’din ir-rebħa, issa Svitolina se tiffaċċja lil Jabeur fit-tielet round.

Sport