Deħlin sewwa fil-ġranet festivi, kif wara kollox tixhed sewwa l-atmosfera li bdiet tinħoloq fit-toroq u d-djar tagħna, taħlita ta’ tradizzjonijiet reliġjużi flimkien ma’ armar li fih jispikkaw kull xorta ta’ dwal kuluriti u movimentati. Attivitajiet li fil-bażi tal-parti l-kbira tagħhom insibu l-ħidma volontarja, kemm fuq bażi individwali kif ukoll ta’ gruppi, ta’ għaqdiet. Prova oħra ta’ kemm hu qawwi u sabiħ il-kunċett tal-volontarjat f’pajjiżna.
Il-qasam tal-volontarjat ma bediex ilbieraħ. Li ma kienx hekk ma nsibuhx f’kull raħal u kull belt ta’ pajjiżna u jkopri l-oqsma varji tal-ħajja. Kunċett li mal-medda taż-żmien baqa’ joktor u jiżviluppa, tant li llum daħlet fih ukoll il-professjonalità, kemm f’dak li huwa ħsieb, implimentar tal-ħsieb u tmexxija, l-aktar fejn jirrigwarda għaqdiet volontarji. Dan irid ikun kumplimentat bl-attirazzjoni lejh ta’ żgħażagħ li magħhom iġibu enerġija u kunċetti ġodda.
U għalhekk kien, u huwa, pass għaqli ħafna min-naħa tal-awtoritajiet konċernati, partikolarment b’kordinazzjoni bejn il-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat u l-Ministeru għall-Edukazzjoni, li l-kunċett tal-volontarjat jiddaħħal ukoll f’livelli ta’ MCAST u Università.
Il-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS) u l-Kulleġġ Malti għall-Arti, Xjenza u Teknoloġija (MCAST) iffirmaw Memorandum of Understanding (MoU) sabiex tissaħħaħ il-koperazzjoni bejn iż-żewġ entitajiet dwar dan is-settur. Koperazzjoni li ilha għal numru ta’ snin imma li issa ġiet ifformalizzata għall-ewwel darba. Koperazzjoni li se tinkludi programm li permezz tiegħu studenti tal-kulleġġ se jkunu jistgħu jiksbu esperjenzi ta’ volontarjat u jkollhom aktar informazzjoni dwar is-settur u dwar l-għaqdiet differenti.
Il-ftehim jaħseb ukoll biex għall-ewwel darba l-MCVS ikollu preżenza fiżika u fissa f’post ċentrali fil-kampus tal-MCAST, Raħal Ġdid, permezz ta’ Volunteer Hub li minnu tkun tista’ tingħata informazzjoni dwar is-settur, kemm bħala servizzi għal min jixtieq jagħti sehmu bħala voluntier u anke għall-għaqdiet volontarji.
Fir-rigward tal-livell Universitarju tnieda kors ġdid fl-istudju tas-settur volontarju. Kors fil-Livell 5 tal-MQF u huwa parti mill-korsijiet offruti mill-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà. Kors partajm mifrux fuq sena bħala studju ta’ filgħaxija (evening studies). Kors li beda f’Ottubru li għadda. Kors li jsir fi tliet serati fil-ġimgħa għal sena akkademika waħda u maħsub biex ikun ta’ appoġġ għall-prattika tal-amministraturi fil-qasam tal-volontarjat. L-għan wara dan kollu huwa li jingħataw għarfien, ħiliet u valuri meħtieġa għalihom biex jagħmlu impatt etiku, effettiv u sostenibbli fl-oqsma ta’ prattika tagħhom.
Kors li jiffoka fuq l-iżvilupp personali u l-prattika riflessiva. Japprofondixxi l-għarfien tal-istudenti dwar is-settur tal-volontarjat. Jindirizza l-isfidi u l-aħjar prattiċi fir-reklutaġġ u l-appoġġ tal-voluntiera. Taħriġ dwar strateġija u ppjanar fl-għaqdiet volontarji. Taħriġ fil-ħiliet ta’ għajnuna għall-voluntiera. Kors li jiffoka wkoll fuq il-governanza, il-ġestijoni u l-evalwazzjoni tal-għaqdiet volontarji.
Huma kollha sfidi, stediniet liż-żgħażagħ tagħna biex ikomplu jitrawwmu b’mod professjonali fis-settur tal-volontarjat, settur li huwa meqjus bħala wieħed mill-pilastri ewlenin tas-soċjetà Maltija u Għawdxija. Settur li joħroġ il-pożittività taż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin li fihom ikun qiegħed ikompli jitrawwem fil-fond valur qawwi, il-valur rifless f’ħidma favur għajrek.