Wednesday, April 24, 2024

Opportunitajiet ġodda ta’ taħriġ akkreditat għall-priġunieri

Aqra wkoll

Ġie ffirmat memorandum of understanding bejn l-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi u l-Kulleġġ Malti għall-Arti, x-Xjenza u t-Teknoloġija, l-MCAST li ser iwassal għall-iżvilupp tal-edukazzjoni u taħriġ tal-priġunieri li qed jistkontaw is-sentenza tagħhom fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Preżenti għall-iffirmar bejn iż-żewġ entitajiet kien hemm il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana flimkien mal-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri.

Permezz ta’ dan il-ftehim, ser jiġu żviluppati korsijiet apposta li ser jaraw lill-priġunieri jiksbu korsijiet akkreditati ta’ livell MQF. Għalhekk, il-priġunieri ser ikunu jistgħu jiżviluppaw il-kapaċitajiet u l-għarfien tagħhom iżda wkoll igawdu mill-benefiċċju ta’ taħriġ validu biċ-ċertifikati li jistgħu jintużaw biex il-priġunieri jidħlu fid-dinja tax-xogħol hekk kif ikunu skontaw is-sentenza tagħħhom. Fost l-għażla ta’ korsijiet hemm dawk iffokati fuq basic skills development li jinkludi kif wieħed jieħu ħsieb il-finanzi personali, kif ukoll korsijiet manwali fejn wieħed jista’ jitgħallem xogħol tal-injam, xogħol ta’ plumbing u manifattura.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana tkellmet dwar l-importanza ta’ dan il-ftehim. Hija qalet li ftehim bħal dan huwa sinifikanti għaliex permezz tiegħu l-MCAST se tkun qed tgħin lill-priġunieri jibnu l-futur tagħhom. “Aħna nemmnu f’edukazzjoni inklussiva u għal kulħadd u allura qed nagħtu aktar opportunitajiet, f’dan il-każ lil dawk li jinsabu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Għalhekk hawnhekk qed nagħtu mhux biss opportunità għat-tagħlim, imma wkoll biex dawn il-persuni joħorġu mill-Faċilità bi kwalifika biex ikunu jistgħu jinfiltraw fid-dinja tax-xogħol permezz ta’ ċeritifkati validi.”

Fil-messaġġ tiegħu, il-Ministru Byron Camilleri spjega kif l-Aġenzija qed tkompli tieħu inizjattivi li jsaħħu l-aspett rijabilitattiv tal-priġunieri. Huwa qal kif dan il-ftehim ser iwassal biex il-priġunieri jingħataw l-għodda meħtieġa biex jimxu ’l quddiem f’ħajjithom u l-edukazzjoni hija l-qofol ta’ kollox. “Din hija parti minn ħolqa ta’ inizjattivi li qed naħdmu fuqhom sabiex nassiguraw aktar opportunitajiet ta’ integrazzjoni. Għalhekk it-taħriġ li ser tkun qed tipprovdi l-MCAST ser jgħin lill-priġunieri jsibu xogħol hekk kif jerġgħu jidħlu lura fil-komunità,” qal il-Ministru Camilleri.

Is-Sur Robert Brincau, Aġent Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi, tkellem dwar kif priġunieri jsibuha diffiċli jsibu xogħol wara li joħorġu mill-Faċilità u din twassal għal aktar problemi fil-futur tagħhom. Għaldaqstant, huwa spjega kif din l-inizjattiva ser tgħin biex jonqos ir-riċediviżmu fost il-priġunieri hekk kif qed jingħataw aktar opportunitajiet biex jitħarrġu waqt li jkunu qed jiskontaw is-sentenza tagħhom.  

Sport