Saturday, May 4, 2024

Organizzata n-National Dinghy Ranking Regatta

Aqra wkoll

Ir-Royal Malta Yacht Club ospitat l-ewwel avvenimenti relatati mal-Yachting Malta Race Week fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, meta n-National Dinghy Ranking Regatta laqgħet madwar 100 baħri. Il-baħrin, li rrappreżentaw l-iskejjel lokali kollha tal-ibburdjar ikkompetew fuq medda ta’ jumejn fil-Klassijiet Optimist, ILCA, SB20, RS Feva u Topper.

Il-kundizzjonijiet tat-temp iffavorixxu lill-flotta u ppermettilhom li jgħamlu t-tlielaq kollha skedati. Il-kundizzjonijiet tas-Sibt kienu relattivament stabbli b’veloċitajiet tar-riħ medja ta’ bejn 13 u 15-il mil nawtiku fis-siegħa. Ir-riħ tal-Ħadd kien varjat u ppermetta li jsiru l-ewwel żewġ tlielaq. It-tielet tellieqa kellha tiġi abbandunata minħabba tibdil fid-direzzjoni tar-riħ, immedjatament wara l-bidu tal-Klassi ILCA 6. Il-flotta tal-Optimist Beginner tħabtu fir-riħ ħafif b’diversi baħrin jinqabdu sew fuq wara l-ewwel baħħar li spiċċa.

Wara waqfa temporanja sabiex twaqqfet il-korsa ġdida, il-flotta rnexxielha tlesti tellieqa sħiħa fil-ħin stipulat ta’ 40 minuta.

Il-flotta tal-Optimist Beginners rat lil Luca Scicluna tal-Birzebbuga Sailing Club (BSC) fuq quddiem, sew qabel Emily Mallia u Jack Vella, it-tnejn mil-BSC, filwaqt li fil-flotta tal-Optimist Open Timmy Vassallo, tal-Malta Young Sailors Club (MYSC), ħa l-unuri. Hu kien segwit Emily Fenech u Jacob Azzopardi tal-BSC.

Il-flotta tal-ILCA rat tlielaq isiru fil-Klassi 4 u 6. Fil-Klassi 4 , Jake Mallia (BSC) kellu ġirja tajba biex għeleb il-kompetizzjoni minn Benjamin Vassallo (MYSC) u Daniel Ciantar (BSC) li spiċċaw fit-tieni u t-tielet post rispettivament. Klassi 6 kienet tellieqa dominata mill-BSC, bl-aħwa Shaun u Lacey Aquilina jispiċċaw fl-ewwel u t-tieni post. Jingħaqad magħhom fuq il-podju kien Matthew Flores fit-tielet post.

L-SB20 Association Malta organizzat it-tlielaq tagħha is-Sibt, b’Careful Now ta’ Catherine Hurley & Kristian Borg Nicolas jiksbu l-ewwel post fl-erba’ tlielaq li saru. Fil-Klassi Topper, il-flotta kienet rappreżentata minn baħħara tal-Vikings Sailing Club, b’Kathleen Sammut Bowman toħroġ rebbieħa tat-tlielaq kollha. Il-klassi RS Feva rat flotta kollha rraprezentata mill-RMYC, b’Michaela Vertsoni u Nicole Siegler jirbħu r-regatta ġenerali.

Il-premjijiet ingħataw lir-rebbieħa mill-Commodore tal-RMYC David Cremona u l-Maniġer Ġenerali ta’ Yachting Malta Michael Mifsud waqt l-attività tal-Għoti tal-Premjijiet organizzata minn Yachting Malta.

Jissorvelja t-tellieqa kien l-Uffiċjal tat-Tlielaq Peter Dimech, filwaqt li d-dmirijiet ta’ Race Management kienu magħmula minn Adrian Gauci Borda u tim ta’ voluntiera.

“Kien ta’pjaċir għall-Klabb li jilqa’ baħħara mill-iskejjel lokali. L-attività li kemm fuq l-art kif ukoll fuq l-ilma, iġġenerat ħafna attenzjoni, u wriet l-entużjażmu li dawn l-attivitajiet jġibu magħhom, ikkummenta David Cremona, Commodore, Royal Malta Yacht Club. Dan l-avveniment ma kienx ikun possibbli mingħajr l-appoġġ ta’ numru ta’ diversi voluntiera mill-klabbs lokali u Yachting Malta kif ukoll il-kowċis li ħadu ħsieb il-baħrin tagħhom.”

Iċ-Chairman ta’ Yachting Malta John Huber innota b’sodisfazzjon il-parteċipazzjoni f’dan l-avveniment u rrimarka li l-għan tal-Yachting Malta Race Week huwa li tipprovdi aktar opportunitajiet ta’ espożizzjoni għat-talent lokali. L-entużjażmu li bih il-baħrin ikkompetew f’dan l-avveniment kien notevoli u jwiegħed tajjeb għall-futur tal-isport.

Riżultati Uffiċjali jinsabu fuq is-sit elettroniku tal-RMYC https://www.rmyc.org/event/2022-yachting-malta-race-week-national-dinghy-ranking-regatta/

L-avvenimenti li jmiss fuq il-Kalendarju tal-Ġimgħa tat-Tlielaq tal-Yachting Malta jkomplu l-Ġimgħa wara nofsinhar meta jsiru l-Kampjonati tad-Dinja Voomquest Enemed UIM V2.

Sport