Monday, May 5, 2025

Oscar Piastri jirbaħ il-Grand Prix ta’ Miami

Aqra wkoll

Is-sewwieq Awstraljan, Oscar Piastri (McLaren) rebaħ il-Grand Prix ta’ Miami biex kiseb ir-raba’ rebħa minn sitt tiġrijiet f’dan l-istaġun.  

Huwa għeleb lill-kollega tiegħu, il-Brittaniku Lando Norris, hekk kif irreġistra ħin ta’ 1:28:51.587.

Iż-żewġ sewwieqa tal-McLaren issieltu battalja intensa kontra s-sewwieq tar-Red Bull u ċ-champion renjanti, Max Verstappen.

Piastri, li beda mir-raba’ pożizzjoni, kellu wirja prudenti u intelliġenti biex eventwalment qabeż lit-Taljan, Kimi Antonelli (Mercedes) kif ukoll lil Verstappen fl-ewwel post u b’mod gradwali beda jżid il-vantaġġ.

Norris, li niżel lura fis-sitt post fl-ewwel dawra wara li ħareġ barra mit-trakka waqt li kien qed jisfida lil Verstappen biex jaqbeż fl-ewwel post, kien deċiżiv ukoll biex ipatti għall-isfortuna tat-tiġrija preċedenti.

F’nofs it-tiġrija, Norris qabeż fit-tieni post u l-objettiv ewlieni tiegħu kien li jattakka lil Pias­tri iżda s-sewwieq Awstraljan għaraf kif jamministra l-vantaġġ li kellu. 

Il-Brittaniku, George Russell (Mercedes), ibbenefika minn wieħed mit-tliet perjodi virtwali tas-safety-car biex qabeż lil Verstappen u kiseb l-aħħar post tal-podju, bl-istess mod żamm lill-Olandiż warajh fl-aħħar dawriet.

U kien hemm tensjoni kbir fil-Ferrari hekk kif it-team l-ewwel rrifjuta u mbagħad aċċetta t-talba tal-Brittaniku, Lewis Hamilton, biex jitħalla jgħaddi lill-kollega tiegħu, Charles Leclerc, hekk kif ġrew fuq strateġiji diverġenti tat-tyres.

Eventwalment Hamilton tħalla jgħaddi biex jipprova jisfida lil Antonelli quddiemu, iżda naqas milli jilħaq lit-Taljan, jew inkella jitbiegħed minn Leclerc.

Intant, Verstappen kellu jikkuntenta mir-raba’ post fejn huwa kien segwit mill-Brittaniku Alexander Albon (Williams), Antonelli, Leclerc, Hamilton u l-Ispanjol Carlos Sainz (Williams).

Il-klassifika ġenerali bħalissa hija:

131 – Oscar Piastri; 115 – Lando Norris; 99 – Max Verstappen; 93 – George Russell; 53 – Charles Leclerc; 48 – Adrea Kimi Antonelli; 41 – Lewsi Hamilton; 30 – Alexander Albon; 14 – Esteban Ocon, Lance Stroll.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport