Thursday, December 26, 2024

Pajjiżi Ġirien

Aqra wkoll

Fattur importanti li wirtet din is-sena kien il-gwerer. Mhux biss il-gwerer, imma l-attitudni li qiesu ma hemm xejn ħażin li jkollna gwerra. Mhux talli hekk, imma issa qed niftaħru li qed nippreparaw għall-gwerra. Fil-fatt, xi ħaġa ċara hi li bħal ma kien qal is-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda, li llum qed nidħlu fi gwerer b’intenzjoni u mhux b’kumbinazzjoni. Dan ifisser li min irid l-armamenti jrid gwerrer u mhux paċi.

U din hi l-agħar ħaġa li tista’ tiġri. Ir-raġuni hi li din l-attitudni tfisser li hawn ħafna nies fid-dinja li ma jemmnux li l-paċi jiġi bi ftehim iżda jemmnu li dan jiġi biss wara li hu jirbħu lill-għadu tagħhom.

L-istupidaġni ta’ din l-attitudni hi li ħadd mhu qed jirrealizza li jirbaħ u jitlef, il-pajjiż hemm ser jibqa’ – la ser jispiċċa u lanqas jmur xi mkien ieħor. Il-pajjiżi ġirien xorta ġirien ser jibqgħu. U bħall-ġirien hu importanti li jifhmu u mhux jiddominaw lil xulxin. Mhux bilfors ikollhom l-istess ideat, imma jridu jaċċettaw li kulħadd ser ibati jekk ma jidrawx jgħixu fil-paċi ma xulxin minkejja l-ideat differenti.

Differenza fl-ideat tista’ tkun kbira u għalhekk aktar perikoluża. Din tkompli żżid il-ħtieġa li aktar għandna nitkellmu ma xulxin biex nifhmu ‘l xulxin. Hu b’hekk biss li nistgħu naslu lejn sitwazzjoni aċċettata minn kulħadd u jkollna l-paċi.

L-armi

Li nżidu aktar armi periklu nkunu qed noħolqu u mhux nersqu lejn il-paċi. Biss sfortunament din hi l-idea li qed imexxu l-mexxejja tal-Ewropa. Mhux talli hekk, imma jridu li jkabbru l-ammont tal-aktar armi perikolużi li hemm. Dawn huma l-armi nukleari.

L-armi nukleari mhux biss ħsara immedjatament fejn jisplodu. L-armi nukleari barra l-ħsara kbira li jagħmlu, joqtlu l-ammont esaġerat ta’ nies. Mhux biss għax ir-radjazzjoni li joħolqu ser tibqa’ hemm għal żmien kbir. Irridu niftakru li fit-80ijiet kien hemm splużjoni fir-reattur nukleari ta’ Chernobyl fl-Ukranja. Il-medda ta’ art għada sal-lum ma tistax tintuża u għad fadalla eluf ta’ snin qabel ma terġa’ tiġi għan-normal. Imma din l-isplużjoni, li ma kinitx ta’ bomba, xorta laqtet pajjiżi oħra.

Ir-radjazzjoni ma tħarisx lejn il-ġens li tkun ser tolqot u għalhekk tolqot lil kull ġens fil-viċin inkluż dak il-ġens li jkun tefa’ l-bomba nukleari. Dan ifisser li l-UE aktar ma tersaq lejn l-armi nukleari aktar qed iżżid iċ-ċans li l-Ewropej, inkluż aħna, nintlaqtu bir-radjazzjoni.

L-armi nukleari

Bħal ma diġa’ semmejt il-mexxejja Ewropej qed jgħidu li għandna nonfqu flusna fuq l-armi nukleari.

Ħafna min-nies jaħsbu li fl-Ewropa ma hawnx armi nukleari. Fl-Unjoni Ewropea, Franza li żviluppat armi nukleari stmatha li għandha madwar 300 bomba nukleari. Pajjiżi oħra uffiċjalment m’għandhomx armi nukleari. Imma dawk il-pajjiżi li għandhom bażijiet militari Amerikani għandhom ukoll mijiet ta’ armi nukleari f’pajjiżhom. Mhux hekk biss, iżda llum qed inżiduhom.

Ir-raġuni hi li żewġ pajjiżi li għandhom armi nukleari, jekk jidħlu fi gwerra, hemm ċans kbir li min jiġi daharhu mal-ħajt, juża l-armi nukleari. U min jaf kemm ser jintlaqtu nies komuni. Il-mexxejja ftit jirrealizzaw dan għax jafu li huma jkunu f’post protett. U fuq kollox qed jinsew li aħna qegħdin ġo l-istess dinja u l-ħsara li ssir ser tolqot lil kulħadd, lilna wkoll, anki lil dawk li ma jkunux involuti. Għalhekk l-elezzjoni tal-Parlament Ewropej ser tkun importanti ħafna.

Ekonomija

Sport