Thursday, May 16, 2024

“Pajjiżi oħra qed jitħabtu… aħna se nkomplu nnaqqsu r-restrizzjonijiet”

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Waqt li kien qiegħed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet b’rabta mas-sitwazzjoni tal-Covid-19, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li f’dawn l-aħħar jiem kien hemm żewġ clusters ta’ residenti fi djar tal-anzjani li minkejja li huma mlaqqma ħarġu pożittivi għall-Covid-19 – cluster ta’ disa’ persuni f’dar partikolari u ieħor ta’ ħamsa f’dar oħra.

Huwa sostna li għalkemm dawn il-każijiet kollha peress li huma mlaqqmin ma wasslux għal konsegwenzi serji, jidher li d-deċiżjoni li ttieħdet mill-awtoritajiet tas-saħħa, li jibda jingħata booster dose lir-residenti fid-djar tal-anzjani, kienet f’waqtha. 

Qal li l-pjan oriġinali kien li jibda jingħata booster dose lir-residenti fi djar tal-anzjani mit-13 ta’ Settembru. Qal li peress li feġġew dawn il-każi ġodda, il-programm ta’ booster dose issa avvanza b’ġimgħa u mit-Tnejn li ġej se jibda jkun offrut dan it-tilqim fid-djar tal-anzjani madwar il-pajjiż. 

Id-Deputat Prim Ministru qal ukoll li mill-ġimgħa d-dieħla se jibdew jintbagħtu l-inviti lil dawk il-persuni li huma ‘immuno-suppressed’, sabiex huma wkoll jieħdu l-booster dose.

Fearne kompla jgħid li minkejja li l-każi ta’ Covid-19 madwar id-dinja qegħdin jiżdiedu, f’pajjiżna minħabba r-rata għolja ta’ tilqim li għandna u issa li se jibda jingħata l-booster dose, ninsabu f’sitwazzjoni fejn inkomplu nnaqqsu r-restrizzjonijiet li fadal.

Huwa qal li mis-6 ta’ Settembru li ġej, se jkunu permessi li jsiru avvenimenti bilwieqfa fil-miftuħ, li se jkunu limitati għal 100 ruħ u huma aċċessibbli għal persuni mlaqqmin. Qal li mit-13 ta’ Settembru, se jkunu permessi li jsiru avvenimenti bilwieqfa bi protokolli fuq ġewwa ukoll. 

F’avvenimenti bilqiegħda fejn ikun hemm 100 persuna jew inqas, id-distanza bejn bubble u oħra se tinżel minn żewġ metri għal metru. Dan ifisser li attivitajiet limitati fin-numru se jkunu iżjed vijabbli għal min jorganizzahom.

Fearne qal li inizjalment, l-avvenimenti se jingħataw permess li jsiru jew bilwieqfa jew bilqiegħda iżda mhux imħalltin. Qal li: “la darba naslu lejn l-aħħar ta’ Settembru, se nkunu nistgħu nagħmlu ‘pilot events’ illi jippermettu numru akbar b’inqas restrizzjonijiet, dejjem għal persuni vaċċinati. Dawk li jattendu għal dawn l-attivitajiet speċifiċi se jkunu obbligati li wara numru ta’ ġranet jagħmlu PCR test.”

“Dan ifisser li dawn se nkunu nistgħu nużawhom biex naraw jekk dik it-tip ta’ attività b’inqas restrizzjonijiet hijiex sigura jew le. Dawn l-avvenimenti se jwasslu wkoll biex inkunu nistgħu nibdew nippjanaw għall-festi tal-Milied.”

Huwa temm ifakkar li minn din il-ġimgħa għal dawk il-persuni li se jivvjaġġaw lejn pajjiżi ‘dark-red’ tnieda s-sit travelauthorisation.gov.mt sabiex ikollhom aktar informazzjoni konkreta ta’ fejn se jkun qed jivvjaġġa u x’tip ta’ kwarantina u fejn irid jagħmel.

Sport