Monday, March 10, 2025

“Pajjiżna la se jissellef u lanqas se jinvesti flus fix-xiri ta’ armamenti tal-qerda”

- il-Prim Ministru Robert Abela fi stqarrija ministerjali fil-Parlament

Aqra wkoll

Fi stqarrija ministerjali li għamel fil-Parlament, il-Prim Ministru Robert Abela ddikjara li Malta mhu se tieħu ebda self mit-€800 biljun li l-Kummissjoni Ewropea qed tipproponi għas-sigurtà u d-difiża Ewropea.

Huwa qal dan meta tkellem dwar il-parteċipazzjoni tiegħu fil-laqgħa straordinarja tal-Kunsill Ewropew li saret il-Ħamis li għadda fi Brussell fejn kienu żewġ temi separati u distinti minn xulxin – waħda minnhom dwar l-Ukrajna u l-oħra dwar id-difiża u s-sigurtà u t-tisħiħ tagħhom fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

Huwa nnota li dwar l-Ukrajna kien hemm sitwazzjoni fejn il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ma ġewx adottati minħabba l-pożizzjoni li ħadet l-Ungerija.
Min-naħa l-oħra, huwa semma li Malta dejjem tat l-appoġġ tagħha lill-Ukrajna, dejjem fil-parametri ta’ dak li tippermetti l-kostituzzjoni tagħna.

“Qatt ma tajna finanzjament fejn jidħlu armi u munizzjon letali. Dejjem tajna kontribut għal apparat li mhux letali,” enfasizza l-Prim Ministru. Dr Abela kompla jgħid li “żgur li mhu ser nħallu lil ħadd ixekkel jew ifixkel prinċipji li aħna nemmnu fihom, mhux se nabdikaw mir-responsabbiltà li għandna lejn il-komunità internazzjonali u se nibqgħu sodi fil-ħidma għall-paċi u d-djalogu.”

Dwar il-qofol ta’ din il-laqgħa li trattat id-difiża tal-Unjoni Ewropea, il-Prim Ministru qal li f’isem pajjiżna għamel sa mill-inqas erba’ interventi fuq dan is-suġġett. Qal li jumejn qabel din il-laqgħa, il-President tal-Kummissjoni Ewropea kkomunikat ittra mal-Istati Membri dwar l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tniedi l-istrument imsejjaħ “ReArm Europe”.

Qal li l-punt ewlieni wara dan l-istrument il-ġdid huwa n-nefqa ta’ €800 biljun fuq medda ta’ erba’ snin illi fih kull stat membru tal-UE jista’ jagħżel li jidħol b’mod volontarju, jidħol f’self u mhux għotjiet.

Dwar is-Sigurtà u d-Difiża, il-Prim Ministru qal li d-deċiżjoni tas-27 stat membru kienet waħda unanima. Qal li d-deċiżjoni ta’ pajjiżna kienet vot favur illi pajjiżna jżomm man-newtralità tiegħu, mal-prinċipji dwar il-paċi, li ma ninvestux u nissellfux biex jinxtraw armi u munizzjon.

“Dik hi deċiżjoni ċara illi qabel ma morna għall-Kunsill Ewropew rajna li fuq livell tekniku kienet riflessa fil-paragrafu 10 u 17 tal-konklużjonijiet. Imbagħad minħabba li ma kienx hemm l-unanimità fuq l-Ukrajna, il-konklużjonijiet ġew rinumerati u dik ir-riserva ċara ta’ pajjiżna hija kontenuta fil-konklużjoni numru 8,” qal il-Prim Ministru.

“Fix-xhur li ġejjin se nuru biċ-ċar li pajjiżna la se jissellef u lanqas se jinvesti flus biex jixtri armamenti tal-qerda.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport