Sunday, May 5, 2024

Pakkett ta’ miżuri ta’ aktar minn €20 miljun għall-familji u t-tfal

Aqra wkoll

Wara li f’Ġunju li għadda ġie varat il-Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali għall-Garanzija tat-Tfal, ingħataw dettalji dwar il-miżuri mħabbra fil-budget għas-sena d-dieħla li se jaraw it-twettiq ta’ wegħdi fil-Manifest Elettorali.

Fl-aħħar snin ġew stabbiliti diversi miżuri biex jiġi żgurat li, sa minn stadju bikri fil-ħajja tagħhom, it-tfal jingħataw l-aqwa opportunitajiet biex ikunu jistgħu jisfruttaw il-potenzjal sħiħ tagħhom.

Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon spjega li l-għan aħħari huwa li jiġi mmassimizzat il-potenzjal tat-tfal kemm minn aspetti edukattivi, soċjali u anke finanzjarji. 

“Fil-manifest elettorali wegħdna li ċ-children’s allowance se jiżdied b’€450, u b’hekk f’din is-sena bdejna nwettqu l-ewwel parti ta’ din il-miżura li tolqot 62,000 tifel u tifla li jiffurmaw parti minn 41,000 familja. Aħna nemmnu mhux biss li t-tfal huma l-ġenerazzjoni ta’ għada imma huma wkoll parti mis-soċjetà tal-lum u għalhekk se nkomplu ninvestu bla preċedent biex insaħħu l-benesseri u l-ħarsien tat-tfal kollha f’Malta u Għawdex”, stqarr il-Ministru Michael Falzon.

Tkellem ukoll dwar sistema li biha dawk il-ġenituri li jadottaw il-wild li jkunu qegħdin jiffosterjaw lokalment, se jibqgħu jirċievu parti mill-Foster Care Allowance u jibda jonqos gradwalment fuq perjodu ta’ erba’ snin jew sakemm il-wild jagħlaq il-21 sena liema tiġi l-ewwel. B’dan il-mod fl-ewwel sena tal-adozzjoni, jibqa’ jitħallas 80% tal-allowance tal-fostering, 60% fit-tieni sena, 40% fit-tielet sena u 20% fir-raba’ sena. 

Dan minbarra li xorta titħallas l-għotja ta’ rifużjoni fuq l-ispejjeż relatati mal-adozzjoni lokali li bħalissa tlaħħaq sa €1,000 u xorta titħallas l-allowance tat-tfal f’każ ta’ adozzjoni ta’ tfal taħt is-16-il sena. Il-Ministru Michael Falzon irrefera wkoll għaż-żieda fil-Carers Grant u l-politika li dan il-gvern se jkompli jħaddem sabiex inaqqas id-dipendenza soċjali filwaqt li jagħti aktar għajnuna lill-familji vulnerabbli.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima spjega li l-impenn tal-gvern huwa li ma jitħalla ħadd jaqa’ lura u għalhekk dawn il-miżuri se jwasslu biex uliedna jingħataw kull opportunità possibbli li jwasslu għal żvilupp sħiħ tat-tfal biex dejjem inressquhom ħalli jkunu adulti kompluti, bħala l-ġenerazzjoni ta’ għada ta’ dan il-pajjiż.

“B’investiment ta’ €1 miljun qed nestendu l-inizjattiva one-tablet-per-child biex jintuża tul l-esperjenza sekondarja tagħhom, filwaqt li qed nagħmlu wkoll investiment massiv b’fondi mill-Unjoni Ewropea biex kif wegħdna, nagħtu laptop lill-istudenti tas-7 sena”, qal il-Ministru Grima. Dan se jkun sostnut b’investiment qawwi ta’ €8 miljun biex isaħħu t-teknoloġija tal-informatika fl-iskejjel.

Ir-ruħ soċjali tal-gvern hija riflessa b’investiment ta’ €1.8 miljun biex tiġi estiża Skema 9, fejn it-tfal li jibbenefikaw minnha se jingħataw sensiela ta’ għajnuniet, fosthom uniformi b’xejn u  kolazzjon kuljum. It-tfal eliġibbli ma jkollhomx għalfejn jagħżlu mis-servizzi offruti, iżda jkunu eliġibbli għalihom kollha. Apparti dan, hemm l-għotja ta’ €10,000 fis-sena biex il-kapijiet ta’ kull iskola jiżguraw li t-tfal ma jkunx jonqoshom affarijiet bażiċi fosthom ikel u riżorsi.

“Kif wegħdna wkoll fil-manifest elettorali, aħna nagħrfu l-valur tal-isport, mhux biss fl-iżvilupp tat-tfal, imma wkoll bħala mezz t’inklużjoni. Dan il-gvern qed iħeġġeġ parteċipazzjoni aktar wiesgħa tat-tfal f’dawn l-attivitajiet extra-kurrikulari billi jiffinanzja parti sostanzjali mill-ispiża marbuta magħhom u għalhekk qed inżidu t-tax rebate minn €100 għal €300 fis-sena għall-ġenituri li jibagħtu lil uliedhom għal attivitajiet  sportivi, artistiċi jew kulturali. Dawk il-ġenituri li d-dħul tagħhom mhux taxxabbli ser jirċievu l-istess ammont f’forma ta’ għotja sa massimu ta’ €300”, qal il-Ministru Grima.

Sport