Monday, April 29, 2024

Paris SG ottimisti li Kylian Mbappe jiffirma kuntratt ġdid

Aqra wkoll

Paris Saint-Germain qed isiru dejjem aktar ottimisti dwar iċ-ċansijiet tagħhom li jiftiehmu dwar kuntratt ġdid ma’ Kylian Mbappe.

Iż-żagħżugħ ta’ 23 sena issa fadallu ftit aktar minn xahrejn fil-kuntratt attwali tiegħu fil-Parc des Princes u għadu qed jissemma’ li jista’ jingħaqad ma’ Real Madrid bi free transfer dan is-sajf.

PSG mhux qed iċedu t-tama li jestendu l-permanenza ta’ Mbappe fil-kapitali Franċiża, madankollu, b’rapport riċenti jsostni li ċ-champions tal-Ligue 1 huma lesti li joffru lill-internazzjonali Franċiż salarju ta’ £800,000 fil-ġimgħa.

Huwa mifhum, li s-sid ta’ PSG Nasser Al-Khelaifi dan l-aħħar iltaqa’ ma’ omm Mbappe fil-Qatar biex jiddiskuti l-futur tal-attakkant, u d-diskussjonijiet kienu fil-biċċa l-kbira pożittivi.

Minħabba f’hekk, PSG qed “jittamaw” li jorbtu lil Mbappe b’termini ġodda, iżda r-rebbieħ tat-Tazza tad-Dinja tal-2018 mhux mistenni jasal għal deċiżjoni dwar il-futur tiegħu sa tmiem l-istaġun.

Mbappe skorja 33 goal u pprovda 22 assist fi 42 partita għat-team immexxi minn Mauricio Pochettino dan l-istaġun u rebaħ il-ħames titlu tiegħu tal-Ligue 1 fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet wara draw ta’ 1-1 kontra Lens.

Sport