Sunday, May 19, 2024

Parkeġġ għal 450 karozza se jitgawda mir-residenti ta’ Birżebbuġa

... Il-Freeport b’investiment ta’ €3 miljun f'proġett għall-komunità ta’ Birżebbuġa

Aqra wkoll

Ġie inawgurat uffiċjalment il-parkeġġ li l-Korporazzjoni tal-Freeport għaddiet lill-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa. Dan il-parkeġġ huwa mibni fuq tliet sulari u jesa’ 450 karozza. Sar b’investiment ta’ €3 miljun mill-Korporazzjoni tal-Freeport. 

Is-sular ta’ isfel se jkun qed jintuża mill-ħaddiema tal-Freeport, filwaqt li ż-żewġ sulari l-oħra issa għaddew lill-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa għall-użu tar-residenti u nies li jżuru dan ir-raħal.

“Ir-residenti f’Birżebbuġa minn dejjem fehmu l-importanza tal-Freeport għall-ekonomija ta’ pajjiżna, għalhekk flimkien magħhom ħdimna biex filwaqt li l-Freeport jibqa’ għaddej bl-operat tiegħu u anke jikber, dan isir b’rispett sħiħ lejn ir-residenti u l-lokal. Dan il-parkeġġ huwa fil-fatt il-mod kif il-Freeport qed tagħti proġett lura lir-residenti,” qal il-Ministru għall-Ekonomija, Intrapriża u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri Silvio Schembri.

Il-Ministru Schembri semma wkoll il-proġett tal-high voltage shore connection b’investiment ta’ €12-il miljun, li se jwassal biex il-vapuri rmiġġati fil-Freeport jitfu l-magni tagħhom u jiġu provduti b’elettriku aktar nadif minn fuq il-moll stess, biex b’hekk ikun hemm arja aktar nadifa u jonqos ukoll l-istorbju. 

Il-ftehim għat-tkabbir tal-Freeport ukoll ħares l-interessi tar-residenti, fejn filwaqt li ġie assigurat li l-operat privat jibqa’ jkabbar l-operat tiegħu, biex ikun jista’ jikkompeti fid-dinja tal-lum, intlaħaq ftehim bejn it-Terminal, l-Korporazzjoni u l-Gvern li t-tkabbir tal-Freeport isir fuq il-biċċa ta’ wara u allura l-aktar bogħod mir-residenti. 

Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli qalet li dan il-proġett ser joffri aċċessibbiltà aħjar taż-żona u l-madwar, kemm għar-residenti u l-ħaddiema tal-Freeport u kif ukoll għal min iżur iż-żona. Hija faħħret il-ħidma tad-Diviżjoni tal-Gvern Lokali u l-Freeport u rringrazzjathom li ffaċilitaw il-proċess favur dan il-proġett.

Sport