Thursday, November 5, 2026
Home Sport Parteċipazzjoni b’saħħitha għall-BOV Gozo Weekend

Parteċipazzjoni b’saħħitha għall-BOV Gozo Weekend

0
64

Il-BOV Gozo Weekend, avveniment li ilu għal bosta snin fost l-aktar appuntamenti popolari fil-kalendarju tal-ħarifa tar-Royal Malta Yacht Club, se jirritorna f’Novembru, għal darb’oħra bl-appoġġ tal-Bank of Valletta. Dan l-avveniment, li jgħaqqad tlielaq kompetittivi ma’ programm soċjali f’atmosfera akkoljenti, ikompli jattira kemm baħħara li jieħdu sehem f’tiġrijiet kompetittivi kif ukoll dawk li jippreferu l-ibburdjar rikreattiv.

Għal din it-tellieqa rreġistraw 25 jott fi tliet klassijiet: IRC Racer, IRC Cruiser u RMYC Club Class. Għal ħafna mill-ekwipaġġi, din it-tmiem il-ġimgħa joffri opportunità milqugħa biex jerġgħu lura fuq il-baħar flimkien wara l-isforzi tagħhom fir-Rolex Middle Sea Race, filwaqt li oħrajn se jkunu qed jingħaqdu mal-flotta għall-ewwel darba f’dan l-istaġun.

Fil-klassi IRC Racers, l-attenzjoni għal darb’oħra se tkun fuq Calypso 3.0. Taħt it-tmexxija ta’ Seb Ripard, Calypso rebħet it-titlu overall tas-sena li għaddiet u se tkun qed tirritorna bil-għan li tikseb it-tielet rebħa konsekuttiva tagħha. Madankollu, bil-parteċipazzjoni ta’ diversi jottijiet kompetittivi diġà kkonfermati, l-ekwipaġġ jista’ jistenna sfida tul l-avveniment kollu.

Il-klassi RMYC Club se tilqa’ numru ta’ parteċipanti ġodda, flimkien ma’ diversi baħħara li jipparteċipaw regolarment f’din il-klassi. Fosthom hemm il-membru tal-Kumitat tar-RMYC, Aaron Gatt Floridia, li din is-sena se jirritorna f’din il-klassi bil-jott tiegħu stess, Otra Vez. Is-sena li għaddiet, Gatt Floridia kien ikkompeta abbord Nenya, fejn rebaħ il-klassi, u din is-sena se jkun qed jimmira li jkompli jibni fuq dak is-suċċess.

Bħal dejjem, il-BOV Gozo Weekend mhuwiex biss dwar it-tlielaq fuq il-baħar, iżda wkoll dwar il-ħin li l-parteċipanti jqattgħu flimkien fuq l-art. Il-programm soċjali jilqa’ wkoll lill-familjari u lill-ħbieb tal-ekwipaġġi. Wara t-tlielaq il-Ġimgħa il-parteċipanti jiltaqgħu għall-Happy Hours, fil waqt li s-Sibt, jinġabru max-xatt għal ftit ħin ta’ divertiment . Il-fenkata tradizzjonali se tkun ukoll parti mill-programm u se tkun miftuħa għal kulħadd, inklużi dawk li ma jkunux qed jieħdu sehem fir-regatta iżda li jkunu Għawdex għal tmiem il-ġimgħa.

Il-weekend jintemm il-Ħadd bit-tellieqa tar-ritorn lejn Malta, segwita miċ-ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet li ser issir ġewwa r-Royal Malta Yacht Club.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here