Il-General Workers’ Union tqis il-Budget 2027 bħala wieħed li jħares ’il quddiem, minkejja li għandha xi riservi dwar il-miżuri li jolqtu lill-ħaddiema li ġejjin minn pajjiżi terzi u li jinsabu f’Malta. F’dan il-kuntest, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Kevin Camilleri qal li minn wara li tħabbru l-miżuri tal-Budget, l-union mill-ewwel uriet ir-rieda li tiltaqa’ mal-Assoċjazzjoni tal-Aġenziji tat-Temping u Outsourcing (AFTA) biex tiddiskuti l-impatt ta’ dawn il-miżuri fuq il-ħaddiema ġejjin minn pajjiżi terzi. Laqgħa li effettivament saret it-Tnejn filgħodu fil-Workers’ Memorial Building, il-Belt Valletta.
F’din il-laqgħa, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU għamel referenza għall-Memorandum of Understanding li l-għan tiegħu huwa li jinkludi fih proposti dwar kif jista’ jitnaqqas l-impatt tal-miżuri fuq ħaddiema barranin. Huwa rringrazzja lill-uffiċjali tal-AFTA li laqgħu l-istedina tal-GWU u awgura li din il-kollaborazzjoni tibqa’ għaddejja anke fil-ġejjieni.
Min-naħa tiegħu, il-President tal-AFTA Fabio Muscat, irrijafferma l-ħtieġa ta’ MOU bejn iż-żewġ naħat biex jaraw kif jimmitigaw l-effetti tal-miżuri fuq il-membri tagħhom. F’dan ir-rigward, l-AFTA ressqet diversi proposti għad-diskussjoni.
Id-Deputat Segretarju Ġenerali tal-GWU Kevin Abela fisser kif l-union hija dejjem lesta li tiltaqa’ ma’ għaqdiet differenti għall-ġid tal-ħaddiema, inkluż dawk barranin.
Min-naħa tiegħu, il-President tal-GWU Jason Deguara qal li laqgħat bħal dawn jistgħu jservu ta’ gwida dwar kif wieħed għandu jimxi ’l quddiem. Huwa żied jgħid li l-union tħares ’il quddiem lejn l-iffirmar tal-MOU li ressqet l-AFTA, għall-benefiċċju taż-żewġ naħat.
Preżenti f’isem l-AFTA kien hemm ukoll is-Segreatarju Ġenerali Karl Schranz u l-Liasion Officer Timothy Zammit.
