Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, il-Prim Imħallef Emeritu Joseph Azzopardi, ikkonkluda li d-Deputat Nazzjonalista Joe Giglio kiser il-Kodiċi tal-Etika Parlamentari meta ma ddikjarax interess fl-Abbozz 142 tal-erbatax il-leġiżlatura.
Fost affarijiet oħra, dan l-abbozz kien jaħseb biex arretrati ta’ taxxi u multi relatati jinġabru permezz ta’ ftehim bejn l-individwu konċernat u l-awtoritajiet tat-taxxa, u b’hekk l-individwu jevita proċeduri kriminali kontrih fil-Qorti. L-abbozz sar liġi f’Awwissu tal-2025.
L-ilmentatur, Matthew Caruana Galizia, kien allega li Dr Giglio kellu interess f’dan l-abbozz għaliex kien ir-rappreżentant legali ta’ Nigel u Mikaela Scerri u/jew Ennesse Ltd.
Dawn kienu qed jaffaċċjaw akkużi kriminali dwar evażjoni ta’ taxxa, imma wara li l-abbozz sar liġi, laħqu ftehim mal-Kummissarju tat-Taxxi biex iħallsu l-arretrati ta’ taxxa u l-akkużi kriminali kontrihom ġew kanċellati.
Matthew Caruana Galizia qal li Dr Giglio kien ilu jirrappreżenta l-koppja Scerri sa mill-inqas minn Jannar tal-2025.
Il-Kummissarju għall-Istandards qal li jekk Dr Giglio kellu jiddikjara interess fl-Abbozz 142, kellu jagħmel dan sal-4 t’Awwissu 2025, meta l-abbozz ġie diskuss fil-Parlament. Għalhekk it-terminu ta’ sena għandu jitqies li beda jgħodd minn din id-data.
Tenna li jaċċetta li deputat m’għandux għalfejn jiddikjara interess f’abbozz ta’ liġi minħabba konnessjoni profesjonali ma’ terzi jekk it-terzi jkunu fost firxa wiesgħa ta’ persuni li se jintlaqtu b’mod limitat mill-abbozz. Madanakollu qal li f’dan il-każ, jirriżulta li klijenti ta’ Dr Giglio akkwistaw benefiċċju dirett u konsiderevoli bis-saħħa tal-Abbozz 142 meta dan sar liġi.
Fir-risposti tiegħu, Dr Giglio sostna li l-liġi kienet tapplika b’mod ġenerali għal persuni f’ċirkostanzi simili u ma kinitx intiża għal xi klijent partikolari. Argumenta wkoll li l-ftehim kien jeħtieġ il-ħlas tat-taxxa u l-penali u l-approvazzjoni tal-Qorti. Wissa li l-interpretazzjoni tal-Kummissarju tista’ xxekkel il-ħidma ta’ deputati li jipprattikaw professjoni.
Il-Kummissarju għall-Istandards baqa’ tal-fehma li Dr Giglio kellu jiddikjara interess fl-abbozz 142. “Dr Giglio naturalment kellu jagħmel dan mingħajr ma jgħid min huma l-klijenti tiegħu jew jagħti dettalji dwar in-natura tal-interess tagħhom fl-abbozz.”
“Is-sottoskritt ma jarax għalfejn l-osservanza tal-artikolu 5(2)(a) għandha xxekkel il-ħidma tad-deputati fil-Parlament: anzi, għandha ssaħħaħ il-fiduċja tal-pubbliku fl-integrità tal-proċess leġiżlattiv,” kompla jgħid il-Kummissarju.
Wara li qies kollox, il-Kummissarju wasal għall-konklużi li l-Onor. Joe Giglio kiser l-artikolu 5(2)(a) tal-Kodiċi ta’ Etika tal-Membri tal-Kamra tad-Deputati billi ma ddikjarax interess fl-abbozz 142 tal-erbatax-il leġiżlatura.
Madankollu, huwa ma qiesx li l-ksur hu ta’ natura gravi. Għalhekk talab apoloġija mingħand Dr Giglio bil-għan li jikkonkludi l-każ, iżda ma ngħatatx apoloġija u għalqdastant, ir-rapport ġie sottomess lill-Kumitat dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika.
