Saturday, May 4, 2024

Parteċipazzjoni storika fil-Kampjonati Mondjali fl-Iskozja

Aqra wkoll

F’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata minn John Zammit, Joe Bajada u Daniel Borg Olivier, president, Segretarju Ġenerali u Teżorier rispettivament tal-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu, fejn ngħataw dettalji dwar din il-parteċipazzjoni storika Maltija fil-Kampjonati tad-Dinja taċ-Ċikliżmu UCI 2023 huma skedati li jsir bejn it-3 u t-13 ta’ Awwissu 2023 fi Glasgow, u f’postijiet oħra madwar l-Iskozja.

John Zammit qal li din il-parteċipazzjoni hekk interessanti ta’ atleti Maltin, kienet biss possibli bl-interventi f’waqthom minn Joe Bajada waqt laqgħat tal-Kummissjoni ta’ Solidarjetà u Pajjiżi Emerġenti tac-Ċikliżmu tal-UCI, li tagħha huwa membru, fejn fuq kollox irnexxielu jipperswadi lil UCI biex Malta tingħata diversi wild cards biex inkunu nistgħu nieħdu sehem. Huwa qal ukoll li kull minn ser jieħu sehem apparti li għandu jħossu kburi u anke fortunat, huwa saħaq fuq il-fatt li fl-Iskozja kulħadd ser ikun qed jirrapreżenta lil Malta u mhux lil xi klubb individwali. Zammit enfasizza fuq il-fatt li hija l-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu biss li tista tagħti dawn l-opportunitajiet tal-għola livell lil atleti tagħna għax l-Federazzjoni hija membru sħiħ tal-UCI u l-UEC fejn ingawdu rispett kbir f’din il-fora mondjali. Xhieda ta’ dan huwa l-fatt li Joe Bajada reġa kien elett bħala wieħed mill-45 Voting Delegate tal-UCI minn fost il-202 pajjiż affiljat mal-UCI. Zammit temm jawgura lil dawk kollha li ser jieħdu sehem biex jgħożżu dan il-mument storiku u fuq kollox japprezzaw dak li l-Federazzjoni b’tant sagrafiċċji qed tagħmel ghalihom.

Minn naħa tiegħu Joe Bajada qal li dawn il-Kampjonati tad-Dinja taċ-Ċikliżmu jiġbru flimkien diversi dixxiplini taċ-ċikliżmu biex dawn isiru bħala parti minn avveniment wieħed, inklużi l-Kampjonati tad-Dinja tat-Triq, ta’ Kontra l-Hin, il-Kampjonati tad-Dinja tal-UCI Mountain Bike u l-Kampjonati tad-Dinja tal-BMX fost l-ohrajn u kif bil-hidma tieghu bil-kjsib tal-wild cards Malta ser tieħu sehem għall-ewwel darba fid-dixxiplini tal-BMX U Mountain Bike. Kisbiet oħra għal Malta bl-interventi tiegħu stess waqt laqgħat tal-Kummissjoni tal-UCI, kienu li matul din is-sena ġa organizzajna on-line Kors għal Mekkaniks Level 1, u dalwaqt ser ikollna ieħor on-line għal Kowċis Level 1. Imbagħad f’Ottubru ser jinżamm f’pajjiżna kors ieħor għal Kowċis Level 2 fejn hawn ser ikun hawn fostna kowċ barrani biex imexxi dan il-kors.

Bħala Chef de Mission għal dawn il-Kampjonati tad-Dinja taċ-Ċikliżmu ser ikun Joe Bajada u bħala Deputy Chef de Mission ser ikun hemm John Zammit u Alexandra Madeley. Matul dawn il-Kampjonati Joe Bajada apparti li ser jieħu sehem fil-192 edizzjoni tal-Kungress tal-UCI bħala Voting Delegate, huwa ser ikollu diversi laqgħat bħas-Seminar għal Federazzjonijiet Nazzjonali,  laqgħa għal Voting Delegates biex tiġi diskussa l-Aġenda għall-Kungress Annwali tal-UCI tal-2023, laqgħa tal-Kummissjoni ta’ Solidarjetà u Pajjiżi Emerġenti taċ-Ċikliżmu tal-UCI, l-UCI Junior Conference, fost l-oħrajn. Dawn il-Kampjonati tad-Dinja taċ-Ċikliżmu ser jospitaw 13-il Kampjonat Dinji individwali, u jkunu l-akbar avveniment taċ-ċikliżmu li qatt sar. B’kollox, aktar minn 190 ċampjin tad-dinja se jiġu inkurunati u 2,600 atleta se jivvjaġġaw biex jikkompetu fl-avvenimenti bi 8,000 ċiklist ieħor jieħdu sehem f’avveniment ta’ parteċipazzjoni tal-massa.

F’isem il-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu huwa wera l-apprezzament tagħhom lill-isponsors ewlenin li huma Sport Malta u l-Kumitat Olimpiku Malti, li mingħajr l-għajnuna tagħhom din il-parteċipazzjoni ma setgħetx tkun possibli.

L-atleti Maltin huma: Aidan Buttigieg (Elite Road/TT); Daniel Bonello (Elite TT); Jacob Schembri (U/23 Road/TT); Luke Borg (U/23 TT/MTB XCO); Clyve Chetcuti (MTB XCO);  Stefan Scerri MTB XCO) u Gianni Zahra (BMX Freestyle Park), filwaqt li l-uffiċċjali huma Joe Bajada (Chef de Mission); John Zammit (Deputy Chef de Mission); Alexandra Madeley (Deputy Chef de Mission); Etienne Bonello (Coach – Road/TT), Mark Bonnici (MTB) u Nigel Dougall (BMX).

Sport