Wednesday, April 24, 2024

Partita ta’ ħbiberija: Illum Malta tilgħab kontra l-Belarus

Aqra wkoll

Immexxi mill-coach Taljan, Michele Marcolini (ritratt), it-team nazzjonali Malti llum jilgħab it-tieni partita ta’ ħbiberija fi spazju ta’ ħamest ijiem hekk kif, fl-Istadium Naz­zjonali, jaffronta lil Belarus. 

Il-Maltin jinżlu għal dan il-konfront b’moral għoli wara li, nhar il-Ħamis li għadda spiċċa fi draw mistħoqqa ta’ 2-2 kontra s-Slovenja. 

Minkejja li Marcolini kellu jgħaddi mingħajr iż-żewġ players influwenti, Teddy Teu­ma (imweġġa’) u Jodi Jones (qed jistenna t-twelid ta’ tarbija), il-players qamu għall-okkażjoni kontra team li huwa ferm ikkwotat minna, tant li f’Ġunju li ġej, se jkun fost il-finalisti tal-fażi finali tal-Euro 2024.  

Marcolini seta’ jara ħafna affarijiet pożittivi li jista’ jkompli jibni fuqhom minħabba li fl-ebda ħin ma wrejna xi forma ta’ inferjoritá. Anke meta konna fi żvantaġġ ta’ goal skorjat minn Andraz Sporar. 

Iżda bla dubju, iż-żewġ goals tal-Maltin kienu spettakolari u meqjusa bħala Euro goals! Kien Matthew Guillaumier li kiseb id-draw permezz ta’ kanunata minn barra l-kaxxa filwaqt li Steve Pisani dawwar il-free-kick tiegħu fir-rokna tas-saqaf tax-xibka li l-ebda goalkeeper ma kien isalva. 

Imbagħad, lejn it-tmiem Benjamin Sesko kiseb id-draw għas-Sloveni li, fil-veritá wkoll kien goal mill-isbaħ b’xutt mid-distanza. 

Fil-konferenza stampa, il-coach nazzjo­nali aċċenna għall-progress u t-titjib li għa­mel it-team Malti kif ukoll il-prestazzjoni pożittiva kontra s-Slovenja. 

Huwa saħaq fuq l-enfasi li jdaħħal ir-reżiljenza, il-mentalitá rebbieħa kif ukoll l-għaqda fost il-players, u b’sodisfazzjon semma’ wkoll il-wirjiet ta’ karattru tagħhom. 

Marcolini sostna li l-players għandhom jitgħallmu mil-logħba kontra s-Slovenja u jkomplu jibnu fuqha. 

Issa l-konċentrazzjoni ddur fuq il-Belarus li hija sfida ġdida kontra team li huwa kklassifikat aħjar minna. 

Peró fl-istess waqt huwa jinsab ottimist għal prestazzjoni u riżultat ieħor pożittiv. Saħaq ukoll li l-players għandhom jibqgħu konċentrati u jagħmlu sforz akbar mil-logħba preċedenti. 

Barra minn hekk huwa qal li jżomm il-bieb miftuħ għal players ġodda u jintegrahom fit-team gradwalment. 

L-avversarji tal-lum jinsabu fil-95 post tar-rankings tal-FIFA. Huma mmexxija mill-coach Spanjol ta’ 48 sena, Carlos Alos.

Fil-karriera tiegħu kien jilgħab fil-pożiz­zjoni ta’ goalkeeper u mexxa wkoll tliet ti­mijiet oħra nazzjonali – Rwanda, Qatar u dak ta’ Taħt is-17-il sena tal-Kazakhstan. 

Fit-tmun tal-Belarus huwa ddebutta, f’Settembru li għadda, fid-draw ta’ min­għajr goals kontra Andorra.

Nhar il-Ġimgħa li għadda, f’partita ta’ ħbiberija li ntlagħbet, f’Antalya, fit-Turkija, huma sfaw megħluba mill-Montenegro bl-iskor ta’ 2-0, 

Il-partita tal-lum tibda fis-7.00 pm.

Sport