Sunday, May 5, 2024

Partita ta’ ħbiberija U19: Malta megħluba b’goal f’kull taqsima

Aqra wkoll

Il-Ħamis, it-tim nazzjonali Malti ta’ taħt id-19-il sena lagħab it-tielet logħba ta’ ħbiberija tal-2023, bi tħejjija għall-Kampjonat Ewropew tal-UEFA U19, li se jsir f’Malta f’Lulju li ġej. Il-partita ntlagħbet f’kundizzjonijiet ta’ temp perfett fil-Gozo Stadium, wieħed mill-erba’ postijiet li se jintużaw għal dan it-tournament finali. L-Albaniżi, li ppreżentaw tim magħmul l-aktar minn plejers li jilagħbu ma’ klabbs bħal AC Milan, Udinese, Panathinaikos, Queens Park Rangers, Brescia u Genoa, għelbu lill-Maltin bl-iskor ta’ 2-0.

L-ospiti sabuha diffiċli biex isibu saqajhom fl-ewwel taqsima u Gent Elezaj fetaħ l-iskor fit-12-il minuta, b’xutt fil-baxx imxellef minn Jake Vassallo li ssorprenda lil Luca Camilleri. Dan kien prattikament l-uniku ċans tal-viżitaturi qabel il-mistrieħ hekk kif bil-mod il-mod l-ospiti bdew jheddu bla-ttakki tagħhom. Madwar in-nofsiegħa logħob, Alfie Bridgman għadda minn fuq il-linja leminija, għeleb lill-avversarju tiegħu iżda ftit sab appoġġ fuq quddiem bil-ballun eventwalment jiġi kklerjat.

Malta bdew tajjeb wara l-mistrieħ u kienu sfortunati fil-51 minuta meta daqqa ta’ ras ta’ Bridgman laqtet il-mimduda minn cross preċiż ta’ Andrew Borg mil-lemin. Żewġ minuti wara, Tristan Viviani avvanza tajjeb iżda l-pass tiegħu ma wasalx għand Bridgman f’attakk ieħor promettenti għall-ospiti. Fil-55 minuta, Tomas Kiri qies ħażin pass twil ta’ Sven Xerri iżda l-goalkeeper Albaniż b’xi mod irnexxielu jsalva qabel il-ballun seta’ jaqbeż il-linja fatali. Fil-71 minuta, cross-shot ta’ Benjamin Hili minn fuq ix-xellug kważi ssorprenda lil Kiri, li salva tajjeb. Fit-82 minuta, kontra x-xejra tal-logħob, l-Albanija rduppjaw l-iskor , grazzi għal xutt sabiħ ta’ Ardit Nuredini, li kien l-uniku xutt tal-Albanija indirizat lejn il-lasti avversarji wara l-mistrieħ.

Il-Ħadd filgħodu, iż-żewġ timijiet jerġgħu jiltaqgħu biex jilagħbu t-tieni logħba ta’ ħbiberija, din id-darba fil-Tony Bezzina Stadium, fil-11am.

Malta: Luca Camilleri, Braden Flannery (Ivin Farrugia 63), Jake Micallef, Jake Vassallo, Zven Xerri, Benjamin Hili, Lucas Scicluna (Lucas Caruana 70), Andrew Borg, Tristan Viviani (Bjorn Buhagiar 83), Brooklyn Borg (Nathan Cross 63), Alfie Bridgman (Kian Leonardi 70) Coach: Antonio Jose Mendes ‘Toze’

Albanija: Tomas Kiri, Lindon Ajeti (Orgito Ruci 46), Elton Fakaj, Ervin Bashi, Ardit Nuredini (Ermal Meta 86), Arlind Kurti, Erald Krasniqi (Franc Rabeta 86), Gent Elezaj (Andi Gjoka 86), Smail Kadrijaj (Adijat Seferi 73), Lorent Talla (Ersi Zaganjori 63), Skerdi Xhixho (Samuele Kasa 63) Coach: Armando Cungu

Referee: Joseph Scerri (Malta)

Sport