Wednesday, December 25, 2024

PASS IMPORTANTI GĦAL AKTAR KONNETTIVITÀ BEJN IL-GŻEJJER

Aqra wkoll

L-aħbar li ħarġet il-Ħamis li għadda, illi ġie approvat il-proġett tal-Gozo Rural Airfield, bla dubju hija waħda pożittiva ferm hekk kif dan il-proġett mistenni li jkabbar u jsaħħaħ il-konnettività bejn iż-żewġ gżejjer.
Din kienet wegħda oħra tal-manifest elettorali tal-Partit Laburista għall-elezzjoni ġenerali, li se nkunu qegħdin narawha titwettaq fil-prattika. Biex dan il-proġett jitwettaq, il-pass li jmiss huwa li tiġi ppubblikata s-sejħa għall-offerti sabiex jibda x-xogħol fuq l-estensjoni tar-runway u l-faċilitajiet tal-madwar sabiex minn sit fi stat dilapitat, jiġi mibdul għal wieħed li jtejjeb il-ħajja tal-Għawdxin.

Fil-frattemp, kif qal il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri, se naraw mhux biss titjib fil-konnettività bl-ajru bejn Għawdex u Malta iżda wkoll il-ħolqien ta’ niċeċ ekonomiċi ġodda fis-settur tal-avjazzjoni fix-xhur li ġejjin. Settur li joħloq ukoll xogħol ta’ kwalità għolja.

Irridu nirrikonoxxu li matul is-snin saru diversi proġetti intiżi li jtejbu l-konnettività bejn il-gżejjer, b’mod partikolari t-traġitti li jsiru bil-baħar. Issa kumplimentari ma’ dan, bil-proġett tal-Gozo Rural Airfield se terġa’ tkun stabbilita konnessjoni regolari tal-ajru bejn Għawdex u Malta.

Dan is-sentiment kien ukoll espress minn diversi entitajiet Għawdxin li lkoll laqgħu dan il-proġett li ddeskrivewh bħala pass importanti għal aktar konnettività bejn il-gżejjer.

Ma nistgħux ukoll ma nsemmux l-aspett ambjentali marbut ma’ dan il-proġett hekk kif se jittieħdu bosta miżuri ta’ mitigazzjoni biex jonqos kemm l-impatt viżiv kif ukoll ħsejjes iġġenerati minn din l-attività. Dan il-proġett ukoll se jassigura li l-ebda art verġni jew agrikola mhu se tittieħed.

Sadanittant, inizjattiva oħra li tħabbret fil-jiem li għaddew u li wkoll titratta l-konnettività bejn il-gżejjer, kienet dik li l-iskeda preżenti tal-fast ferry se tiġi estiża tul is-sena kollha. Din se tolqot b’mod pożittiv lil dawk li jaqsmu bejn il-gżejjer f’dan il-perjodu tas-sena, partikolarment lill-ħaddiema u anke lill-istudenti.

F’dan l-ambitu, il-Gvern se jkun qiegħed jinvesti xejn inqas minn €1.3 miljun sabiex l-iskeda tal-vjaġġi tkun fissa u ma tinbidilx minn perjodu għall-ieħor kif ukoll jiżdiedu t-traġitti bejn il-Port il-Kbir fil-Belt Valletta u l-Port tal-Imġarr f’Għawdex.

Għalhekk, dawn il-proġetti u inizjattivi kollha flimkien ma’ oħrajn li diġà qegħdin jitħaddmu fil-preżent, se jkomplu jwasslu għal aktar tisħiħ f’dik li hija konnettività u fl-istess ħin jaqdu għall-ħtiġijiet tal-Maltin u l-Għawdxin kif ukoll għat-turisti li jżuruna.

Ekonomija

Sport