Friday, November 6, 2026
Home Fehmietna Il-ħiliet meħtieġa għal aktar produttività

Il-ħiliet meħtieġa għal aktar produttività

0
58

Waħda mit-temi li ssemmiet mhux ħażin fid-diskussjoni li qed issir dwar il-Budget 2027 u anki lil hinn minnu kienet il-produttività u kif din għandha tissokta u tissaħħaħ. Bla dubju, il-produttività, fi kwalunkwe sfera tagħha, teħtieġ investiment qawwi u kontinwu. Hija aspett fl-ekonomija li ma tistax tittieħed f’iżolament għaliex għandha rabta ma’ aspetti oħra fosthom l-edukazzjoni, partikolarment f’dak li huwa żvilupp tal-ħiliet, kif ukoll fir-rigward tat-teknoloġija moderna b’mod partikolari l-Intelliġenza Artifiċjali u r-robotika. 

Sa ftit snin ilu, pajjiżna kien qed jaffaċċja l-problema ta’ disparita’ qawwija bejn il-ħiliet u l-impjiegi. Tant li l-istituzzjonijiet edukattivi għolja ħafna drabi kienu jiġu kkritikati li mhumiex jipprovdu l-ħiliet għall-bżonnijiet tal-ekonomija. Il-problema ta’ nuqqas ta’ ħiliet dakinhar kienet inħolqot primarjament minn deċiżjonijiet amministrattivi fosthom l-għeluq tal-iskejjel tas-snajja’. 

Illum il-ġurnata, is-sitwazzjoni dwar il-ħiliet meħtieġa tal-ħaddiema nbidlet billi qed jingħata taħriġ vokazzjonali fl-MCAST fost oħrajn. Għalkemm sar dal-progress kbir f’ċertu oqsma produttivi, għad hemm il-ħtieġa ta’ aktar taħriġ li jipprovdi għal oqsma oħra tal-ekonomija bħalma hu l-iGaming. 

Għalhekk l-investiment f’teknoloġija moderna u fit-tisħiħ tal-ħiliet tal-ħaddiema jibqgħu essenzjali għat-tkabbir ekonomiku u reżiljenti ta’ pajjiżna. Fit-tkabbir tal-produttività, ix-xogħol tal-ħaddiem huwa mill-aktar kruċjali. Għalhekk huwa f’loku li l-ħaddiema jkollhom kundizzjonijiet tax-xogħol u pagi tajbin. Għalhekk ukoll li s-sostenn tal-Gvern lin-negozji huwa importanti.

Anke f’dan il-Budget, il-Gvern bagħat sinjal ieħor lill-operaturi ekonomiċi biex jiffokaw aktar fuq iż-żieda fil-produttività. F’dan il-kuntest, il-produttività tiżdied meta jkun hemm ħaddiema li jdumu aktar u jispeċjalizzaw iżjed fil-ħiliet tagħhom. 

Pajjiżna jirrikonoxxi li l-produttività ma tiddependix biss fuq kemm il-ħaddiema jkunu mħarrġa u kwalifikati. Imma tiddependi wkoll fuq il-kuntentizza tal-ħaddiem fuq il-post tax-xogħol tiegħu. Għalhekk huwa bżonnjuż li min iħaddem u anke t-trejdunjins jaħdmu id f’id biex minbarra li l-ħaddiema jingħataw kundizzjonijiet tajbin, jibqgħu jinvestu kemm ikun jinħtieġ fl-operat tagħhom sabiex b’hekk pajjiżna jkun f’pożizzjoni li jtejjeb il-produttività fi kwalunkwe qasam tagħha.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here