Malta miegħek: Investiment rekord ta’ €141 miljun għal Għawdex u għall-Għawdxin

Aqra wkoll

Waqt konferenza tal-aħbarijiet relatata mal-Budget 2027, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri stqarr li l-Budget 2027 qed jagħti lil Għawdex l-akbar allokazzjoni finanzjarja li qatt ingħatat lill-gżira, b’investiment ta’ €141 miljun, żieda ta’ aktar minn €19-il miljun fuq is-sena 2026, ekwivalenti għal 15.7%.

Il-Ministru Clint Camilleri qal li “din l-allokazzjoni rekord tikkonferma l-impenn tal-Gvern li jkompli jinvesti f’Għawdex, itejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-Għawdxin u joħloq opportunitajiet ġodda għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin. Dan il-Budget jibgħat messaġġ ċar li Għawdex huwa fil-qalba tal-viżjoni ta’ pajjiżna. Qed ninvestu fin-nies, fil-ħajja ta’ kuljum tal-Għawdxin u fil-futur ta’ wliedna, filwaqt li nkomplu nsaħħu l-identità, il-kultura u l-ambjent uniku tal-gżira.”

Huwa kompla jispjega li dan il-Budget ikompli jsaħħaħ il-konnettività bejn Għawdex u Malta. Fost il-miżuri ewlenin hemm il-qsim b’xejn bil-Gozo Channel għall-Maltin u l-Għawdxin li jużaw il-pass, kif ukoll il-bidla fil-prezzijiet tal-biljetti għall-viżitaturi, sabiex dawn jikkontribwixxu għall-infrastruttura u s-servizzi li jużaw. Tkellem ukoll dwar it-tisħiħ li sar fis-servizzi tal-fast ferry, il-ħruġ tat-tender għar-raba’ vapur biex jissostitwixxi n-Nikolaos, li se titnieda PQQ biex jinbnew vapuri ġodda tal-Gozo Channel u l-iżvilupp ta’ pjan strateġiku fit-tul għall-Port tal-Imġarr. Mill-qasam tal-enerġija, semma investimenti ġodda, fosthom żewġ cables ta’ 33kV bejn Malta u Għawdex u l-interconnector ta’ 132kV, se jsaħħu s-sigurtà u r-reżiljenza tal-provvista tal-elettriku fil-gżira.

Il-Ministru Camilleri kompla jgħid li l-allokazzjoni għat-toroq arterjali u residenzjali f’Għawdex laħqet l-€10 miljun, bħala parti mill-programm ta’ 100 triq residenzjali ġdida fi tliet snin u li se tkompli wkoll il-ħidma fuq toroq arterjali importanti, fosthom it-triq bejn ir-Rabat u Marsalforn, kif ukoll toroq fin-Nadur u l-Qala. Huwa stqarr l-Ministeru għal Għawdex se jkompli jinvesti fir-riġenerazzjoni tal-pjazez u ċ-ċentri tal-irħula, fl-ispazji miftuħa u fl-infrastruttura ekoloġika. Fost il-proġetti ewlenin hemm Victoria Park, ir-riġenerazzjoni tal-playing field u l-immodernizzar tat-terminal tal-karozzi tal-linja fir-Rabat, kif ukoll il-proġett tal-Pjazza tal-Assedju. Il-Ministru Clint Camilleri ħabbar li se jitniedu wkoll inizjattivi ġodda għat-tħawwil ta’ siġar indiġeni tul it-toroq Għawdxin, filwaqt li se tkompli l-ħidma fuq proġetti ta’ afforestazzjoni u tisbiħ madwar il-gżira.

Il-Ministeru għal Għawdex se jkompli wkoll bil-programm ta’ rinnovazzjoni u titjib tal-faċilitajiet edukattivi. Wara t-tlestija ta’ skejjel ġodda fin-Nadur, fir-Rabat u f’Ta’ Kerċem, il-ħidma se tkompli fl-iskejjel primarji taż-Żebbuġ u tal-Għarb.

Fl-isport, il-Ministru Camilleri sostna li se jkomplu l-investimenti fil-Padiljun Sportiv u Akkwatiku fir-Rabat, filwaqt li se jiġu mmodernizzati l-faċilitajiet tal-isparar fiż-Żebbuġ. Dan filwaqt li se jibda wkoll il-proċess tal-għażla għat-trakka tal-atletika f’Għawdex. Fil-qasam kulturali, Camilleri semma l-proġett tal-Mużew ta’ Għawdex fil-Belt Victoria u l-ħidma preparatorja għal Victoria 2031 se jkomplu jsaħħu l-identità kulturali tal-gżira u jpoġġu t-talenti Għawdxin fuq livell Ewropew u internazzjonali.

Il-Ministru Camilleri fakkar li ftit tal-jiem ilu ġiet inawgurata l-helipad il-ġdida li tgħaqqad l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex ma’ Mater Dei. Din qed ittejjeb il-konnettività bejn iż-żewġ sptarijiet u tiffaċilita t-trasport tal-pazjenti f’inqas ħin. Barra minn hekk, huwa ħabbar li l-ġimgħa d-dieħla Villa Lauri f’Birkirkara mistennija tiftaħ il-bibien tagħha biex toffri akkomodazzjoni lill-qraba ta’ pazjenti Għawdxin li jkunu qed jirċievu kura fl-Isptar Mater Dei.

Il-Ministru Clint Camilleri temm jgħid li l-Budget 2027 ikompli jibni fuq it-trasformazzjoni li Għawdex esperjenza matul dawn l-aħħar snin, filwaqt li jħares lejn futur li jgħaqqad l-iżvilupp ekonomiku u l-modernizzazzjoni mal-ħarsien tal-ambjent, tal-komunitajiet u tal-karattru uniku tal-gżira.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport