Thursday, November 5, 2026
Home Fehmietna PRIM MINISTRU KONVINĊNTI F’DISKORSU

PRIM MINISTRU KONVINĊNTI F’DISKORSU

0
77

Fid-diskorsi li saru fil-Parlament mill-mexxejja taż-żewġ partiti ewlenin f’dak li huwa replika tal-Budget 2027, il-poplu seta’ jara ċar ħafna d-distakk qawwi li hemm bejn l-elokwenza qawwija tal-Prim Ministru Robert Abela u r-retorika dgħajfa tal-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg.

Dan għaliex filwaqt li l-Prim Ministru, fid-diskors tiegħu, elenka waħda waħda u b’mod stupend il-miżuri tal-Budget mhux biss għaż-żmien tal-lum imma wkoll lejn fejn iridu jwasslu lil pajjiżna. Min-naħa l-oħra, l-Kap tal-Oppożizzjoni reġa’ kien fjakk anki jekk isteriku, u ma ħareġ b’ebda proposta ta’ x’kien jagħmel li kieku kien fil-gvern hu, irrispettivament mit-taqlib ekonomiku dinji. 

Mid-diskors tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg deher li ttratta l-Budget f’iżolament. Bħal donnu ma ndunax jew nesa li dan il-Budget kien ieħor li jibni fuq dawk ta’ qablu. Huwa għalhekk Budget ta’ kontinwità li se jkompli l-mixja lejn il-Viżjoni Malta 2050. 

Għall-kuntrarju tal-Kap tal-Oppożizzjoni, il-Prim Ministru ssostanzja l-argumenti tiegħu billi rabat il-ħidma tal-Gvern illum ma’ dak li twettaq fl-imgħoddi u dak li għad irid isir fil-ġejjieni. Kollox iżda msejjes fuq tkabbir ekonomiku sostenibbli u li jrendi. Tkabbir li jkompli jinħass b’mod pożittiv mill-familji, mill-ħaddiema, min-negozji, mill-anzjani, minn persuni vulnerabbli – minn kulħadd. F’dan il-kuntest, l-aċċenn li għamel il-Prim Ministru għat-tkomplija tas-sussidji fil-prezzijiet tal-enerġija, jibqa’ wieħed importanti ħafna. 

Fi żmien meta l-ispejjeż tal-enerġija għadhom sfida qawwija għal ħafna pajjiżi Ewropej, dan il-Gvern Laburista kien, għadu u wiegħed li jkompli jerfa’ hu dan il-piż. U anke hawn, fuq dan is-suġġett daqstant kruċjali għall-ekonomija, il-Kap tal-Oppożizzjoni għoġbu ma jsemmi xejn u ma lissinx kelma waħda dwaru.

Konna qed nassumu li d-diskors ta’ kważi sagħtejn tal-Kap tal-Oppożizzjoni nhar it-Tnejn ma kienx se jerġa’ jkun sempliċiment kritika biss. Stennejna li din kellha tkun okkażjoni biex jgħid lill-poplu xi ħsibijiet għandu għat-tmexxija ‘l quddiem ta’ dan il-pajjiż, kif għandu jagħmel partit li jemmen li hu gvern alternattiv. Xejn minn dan iżda smajna jew rajna.

Huwa minnu li l-Oppożizzjoni għandha d-dmir li tikkritika fejn ikun hemm bżonn, iżda għandha wkoll l-obbligu li turi lill-poplu x’inhi l-alternattiva. F’dan il-kuntest ukoll, din is-sena erġajna ma rajniex lill-Oppożizzjoni toħroġ b’dokument ta’ qabel il-Budget biex almenu turi f’liema direzzjoni trid tmur. 

Min-naħa l-oħra, il-Prim Ministru mhux biss kien kredibbli dwar il-miżuri li diġà twettqu iżda wkoll kien konvinċenti dwar dak li se jitwettaq fis-snin li ġejjin. Proġetti kbar u ta’ fejda bħalma huwa l-bidu tal-proċess biex Manoel Island jinbidel f’Park Nazzjonali kif ukoll investiment qawwi ta’ miljuni ta’ ewro fis-setturi tas-saħħa, tal-infrastruttura, tal-edukazzjoni, it-teknoloġija u anki fl-ivvjaġġar bejn iż-żewġ gżejjer.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here