Thursday, November 5, 2026
Home Internazzjonali Illum Franza se tkun “paralizzata” bi strajk ġenerali

Illum Franza se tkun “paralizzata” bi strajk ġenerali

0
59

Franza llum qed tħejji ruħha għal waqfien kważi totali, wara li l-unions sejħu għal “mobilizzazzjoni ġenerali” tal-ħaddiema madwar il-pajjiż kollu. B’dan il-mod il-unjins qegħdin isejħu strajk ġenerali u għamlu sejħa biex kulħadd jinżel fit-toroq.

Dan l-istrajk ġenerali li ħafna qegħdin jgħidu li ilu ma jsir wieħed bħalu fi Franza għal snin sħaħ qiegħed jissejjaħ minħabba li l-ħaddiema, pensjonanti u studenti ma jistgħux ilaħħqu mal-għoli tal-ħajja. Il-prezzijiet tal-enerġija splodew ‘il fuq u issa li ġejja x-xitwa hemm tħassib kbir dwar kif iċ-ċittadini jistgħu jsaħħnu djarhom.

Fl-aħħar ġimgħat fi Franza b’mod partikolari f’Pariġi rajna dimostrazzjonijiet kbar ħafna minnhom kienu vjolenti fejn anke weġġgħu ħafna persuni.

Minkejja li l-Pulizija qalu li kienu arrestaw eluf kbar ta’ persuni, xorta waħda l-Ministru tal-Intern Franċiż ammetta li l-Pulizija kienu tilfu l-kontroll tad-dimostrazzjonijiet.

Rajna wkoll xeni ta’ serq minn diversi ħwienet fi Franza fejn id-dimostranti bdew ikissru l-ħwienet u jidħlu jisirqu kulma jsibu quddiemhom.

Il-qofol ta’ dawn id-dimostrazzjonijiet hu li l-President Macron jirriżenja mill-kariga tiegħu u jsejjaħ elezzjonijiet ġodda, liema sejħa mill-poplu s’issa ġiet injorata mill-istess Macron.

Is-sejħa, immexxija mis-CGT, it-tieni l-akbar union fi Franza, tapplika kemm għall-ħaddiema tas-settur privat kif ukoll għal dawk tas-settur pubbliku.

L-istudenti – li reġgħu bdew l-imblokk tal-universitajiet u l-iskejjel sekondarji issa li l-iskejjel reġgħu fetħu wara l-vaganzi ta’ nofs it-term – kif ukoll il-pensjonanti, ġew imħeġġa jipparteċipaw fid-dimostrazzjonijiet u l-protesti tal-lum.

Is-sejħa ġiet estiża wkoll għall-protestanti tal-“gilets jaunes”, hekk kif l-organizzaturi tal-protesti tas-Sibt appellaw lin-nies biex jingħaqdu mas-sejħa li qed tagħmel il-unjin.

Iż-żieda ta’ dawn tal-aħħar mal-protesti ġġib magħha element ta’ inċertezza kemm fir-rigward tan-numru mistenni ta’ parteċipanti kif ukoll tal-livell ta’ tfixkil li jista’ jkun hemm.

L-unions se jkunu responsabbli mill-organizzazzjoni tad-dimostrazzjonijiet u l-protesti tul rotot magħżula, u appellaw biex dawn ikunu kompletament paċifiċi. Dan ifisser li l-vjolenza u serq ta’ oġġetti mill-ħwienet mistennija jkunu limitati meta mqabbla ma’ dak li seħħ fis-17 ta’ Ottubru, l-ewwel jum tas-serje mġedda ta’ protesti fi tmiem il-ġimgħa magħrufa bħala l-“Atti” tal-gilets jaunes.

Madankollu, ħafna minn dawk li jipparteċipaw fil-protesti tal-”gilets jaunes” fi tmiem il-ġimgħa jistgħu jkunu xogħol matul il-ġimgħa u, għalkemm il-ħaddiema tas-settur privat mhux dejjem ikollhom bżonn avviż formali biex jagħmlu strajk, jista’ jkun li joqogħdu lura milli jingħaqdu mal-protesti.

X’tip ta’ strajk huwa mistenni?

Bħalissa, jidher li s-servizzi tat-trasport se jkunu affettwati sew nhar illum. L-erba’ unions ewlenin tal-ferroviji fi Franza appellaw lill-ħaddiema kollha biex jagħmlu strajk fis-settur ferrovjarju.

Is-servizzi tal-ferroviji ta’ veloċità għolja (kemm InOui kif ukoll OuiGo), kif ukoll il-ferroviji Intercités u dawk reġjonali TER, mistennija jesperjenzaw tfixkil. Jistgħu jiġu affettwati wkoll ir-rotot internazzjonali tat-TGV lejn Spanja, l-Italja u l-Iżvizzera.

Kull min għandu jivvjaġġa llum madwar Franza huwa mħeġġeġ jiċċekkja l-vjaġġ tiegħu minn qabel.

F’postijiet oħra, is-servizzi lokali tat-trasport pubbliku jistgħu wkoll jiġu affettwati, partikolarment f’Pariġi. 

Il-passiġġieri huma avżati jiċċekkjaw il-websajts tal-operaturi lokali qabel ma jivvjaġġaw minħabba li ħafna mill-ħaddiema se jkunu qegħdin jipprotestaw jew inkella ma jidħlux għax-xogħol.

Il-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru huma koperti mill-avviżi ta’ strajk fis-settur pubbliku, u diversi unions ħeġġewhom biex jipparteċipaw fl-istrajk. Għalhekk hu mistenni li jkun hemm konfużjoni sħiħa f’diversi ajruporti madwar il-pajjiż.

Barra minn hekk, impjegati tal-linji tal-ajru u tal-ajruporti jistgħu wkoll jieqfu mix-xogħol.

Sakemm morna għall-istampa ma hemm l-ebda pjan ikkonfermat li l-bdiewa jew l-operaturi tal-loġistika se jipparteċipaw fl-azzjoni tal-lum, għalkemm dawn il-gruppi ħadu sehem f’dimostrazzjonijiet matul dawn l-aħħar ġimgħat.

Madankollu, hemm il-possibbiltà li t-toroq jiġu mblukkati minn dawn il-gruppi ta’ ħaddiema, jew permezz ta’ imblukkar dirett tat-toroq jew permezz ta’ operazzjonijiet fejn il-vetturi jimxu bil-mod ħafna.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here