Enemalta ħarġet żewġ sejħiet għall-offerti b’valur totali ta’ kważi €11-il miljun għax-xiri u t-tqegħid ta’ cables ġodda f’Għawdex. Dan huwa pass ieħor importanti fil-programm ta’ tisħiħ tan-network tad-distribuzzjoni tal-elettriku fil-gżira Għawdxija.
Permezz ta’ dan l-investiment se jkomplu jissaħħu r-reżiljenza tan-network, filwaqt li tiżdied il-kapaċità meħtieġa biex tintlaħaq id-domanda futura għall-elettriku f’Għawdex.
L-akbar sejħa għall-offerti, b’valur stmat ta’ madwar €7 miljun, tinkludi xogħlijiet ta’ tħaffir u t-tqegħid ta’ cables ġodda ta’ 33kV taħt l-art, li se jgħaqqdu ċ-Ċentru ta’ Distribuzzjoni ta’ 132kV maċ-Ċentri ta’ Distribuzzjoni tax-Xewkija u l-Qala, kif ukoll maċ-Ċentru ta’ Distribuzzjoni l-ġdid f’Kerċem.
It-tieni sejħa għall-offerti, b’valur stmat ta’ €4 miljun, hija għax-xiri ta’ cables tal-elettriku ta’ 33kV taħt l-art meħtieġa għal dan il-proġett ta’ tisħiħ tan-network.
Iċ-Chairman Eżekuttiv ta’ Enemalta, Ryan Fava, qal: “Għawdex jibqa’ prijorità fil-programm ta’ investiment tagħna. Dawn is-sejħiet għall-offerti juru l-impenn tagħna biex inkomplu nsaħħu u nimmodernizzaw l-infrastruttura tal-elettriku fil-gżira Għawdxija, bħala parti mill-istrateġija fit-tul tagħna għall-Gżejjer Maltin.”
Il-proġett jinkludi t-tqegħid ta’ cables ġodda ta’ vultaġġ għoli fi tliet fażijiet, f’Għajnsielem, ix-Xewkija u bejn ix-Xewkija u r-Rabat. Matul ix-xogħlijiet se jittieħdu l-miżuri meħtieġa biex jitnaqqas kemm jista’ jkun l-inkonvenjent għar-residenti u l-impatt fuq it-traffiku, filwaqt li jittieħdu l-prekawzjonijiet meħtieġa biex jiġu limitati t-trab u l-istorbju.
Flimkien, iż-żewġ sejħiet għall-offerti jirrappreżentaw investiment importanti fl-infrastruttura tal-elettriku f’Għawdex. Permezz tagħhom se jinħolqu konnessjonijiet aktar b’saħħithom bejn iċ-Ċentri ta’ Distribuzzjoni ewlenin u tkompli titjieb ir-reżiljenza tan-network.
Dan il-proġett jifforma parti mill-programm usa’ ta’ investiment ta’ Enemalta fin-network tad-distribuzzjoni tal-elettriku, bil-għan li tkompli tissaħħaħ l-affidabbiltà tal-provvista, tiġi mmodernizzata l-infrastruttura u n-network ikun imħejji aħjar għall-ħtiġijiet futuri tal-familji u n-negozji.
L-offerenti interessati għandhom sad-9 ta’ Diċembru 2026 biex jissottomettu l-offerti tagħhom.
