Robert Agius, magħruf bħala Tal-Maksar, li qed jiskonta sentenza ta’ għomor il-ħabs, huwa l-priġunier li nstab fil-pussess ta’ mowbajl waqt rejd li sar fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin nhar it-Tlieta. Dan qiegħed jiġi kkonfermat minn diversi kmamar tal-aħbarijiet lokali.
Agius kien il-persuna li pprovda l-bomba li ntużat fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Huwa ħu Adrian Agius, li wkoll qed jiskonta sentenza ta’ għomor il-ħabs minħabba l-involviment tiegħu fil-qtil tal-avukat Carmel Chircop.
Din hija t-tieni darba f’temp ta’ ftit iktar minn xahar li Robert Agius inqabad b’mowbajl fiċ-ċella tiegħu.
Sorsi qrib il-faċilità korrettiva qalu li għadu mhux magħruf jekk il-mowbajl li nstab nhar it-Tlieta ddaħħalx fil-ħabs wara l-ewwel inċident jew jekk kienx diġà jinsab fil-faċilità minn qabel.
Kien il-Ministru għall-Intern Glenn Bedingfield li ħabbar li kien instab mowbajl ieħor waqt rejd li sar f’ċella tal-ħabs. F’post fuq Facebook it-Tlieta filgħaxija, il-Ministru qal li waqt tfittxija nstab “mowbajl ieħor”.
Skont il-Ministru, l-operazzjoni saret għall-ħabta tat-8.00pm u kienet parti minn investigazzjoni li ilha għaddejja għal diversi ġimgħat.
Fit-18 ta’ Ottubru, kienu nstabu mowbajls fiċ-ċelel ta’ Robert Agius, George Degiorgio, magħruf bħala “Iċ-Ċiniż”, u ċittadin Taljan Damiano Torrisi. Dak iż-żmien, Agius u Torrisi kienu taħt suspett li setgħu kienu qed jużaw dawn l-apparati biex jippjanaw qtil.
Agius bħalissa qed jiġi interrogat mill-Pulizija.
