Saturday, November 7, 2026
Home Fehmietna L-elezzjoni fl-Istati Unit il-poplu tkellem b’mod ċar

L-elezzjoni fl-Istati Unit il-poplu tkellem b’mod ċar

0
44

Id-demokrazija Amerikana tkellmet nhar it-Tlieta, 3 ta’ Novembru fl-elezzjoni ta’ nofs il-mandat. U leħinha kien b’saħħtu biżżejjed biex iwarrab kull tentattiv li r-riżultati jistgħu b’xi mod jiġu kkontestati. Kien riżultat mistenni u dan għax illum il-poplu Amerikan qiegħed iħoss direttament l-effett tad-deċiżjonijiet politiċi li ħadet l-amministrazzjoni immexxija minn Donald Trump. 

Kien riżultat li wera telfa kbira għal Trump. Ma naqsux li s-swaba bdew jippuntaw lejn diversi direzzjonijiet għal din id-disfatta.  Imma lil hinn minn dan, hu ċar li dan il-vot kien reazzjoni għad-diffikultajiet li qegħdin jaffaċċjaw in-nies fl-Istati Uniti, konxi imma li l-amministrazzjoni ta’ Trump marret lura minn ħafna wegħdiet li kienu saru fil-kampanja elettorali tas-sena 2024. 

M’hemmx dubju li dan il-vot qawwi kontra l-amministrazzjoni ta’ Trump kien aktar reazzjoni għad-diffikultajiet li qed jiffaċċjaw l-Amerikani b’mod partiklar l-għoli tal-ħajja. 

Huwa faċli li wieħed jara d-daqqa ta’ ħarta li sofra l-President tal-Istati Uniti fl-elezzjonijiet ta’ nofs il-mandat bħala l-bidu tat-tmiem tal-era Trump. B’differenza mis-sitwazzjoni tas-sena 2018, il-President kien beda minn pożizzjoni aktar favorevoli, grazzi għar-rebħa elettorali ċara tiegħu u għal koalizzjoni elettorali li għaqqdet lill-votanti tradizzjonali Repubblikani ma’ votanti minn minoranzi li għal żmien twil kienu leali lejn il-Partit Demokratiku.

Madankollu, f’20 xahar biss, Donald Trump mar lura minn parti kbira mill-wegħdiet elettorali tiegħu. Il-politika tiegħu wasslet biex l-inflazzjoni għolliet rasha sew. Impona tariffi enormi fuq l-importazzjoni. 

Trump daħħal lil pajjiżu fi gwerra ġdida. Gwerra li kien qalilna li se ddum biss ftit ziem. Illum nafu li din hi gwerra li ma tistax tintrebaħ, tant li l-attakk fuq l-Iran u l-kriżi li segwiet jistgħu jwasslu biex l-Istati Uniti tirtira mil-Lvant Nofsani. 

Trump kompla wkoll juri appoġġ bla waqfien għall-mexxejja l-kbar tal-industrija teknoloġika, minkejja li l-oppożizzjoni pubblika għall-proġetti taċ-ċentri tad-data, li jikkunsmaw ammonti kbar ta’ enerġija, qed tissarraf f’voti. Dawn il-proġetti huma marbuta ma’ żieda fl-ispejjeż tal-elettriku u ma’ ftit opportunitajiet ta’ xogħol.

Kull min segwa din il-kampanja elettorali, seta’ jinnota li għan-naħa Repubblikan din kienet kampanja diżorganizzata għall-aħħar. Fiha rajna lil Trump mhux kun konvinċenti fl-argumenti imma kemm-il darba insulta lil oħrajn. Rajnien jiddevja mis-suġġetti mqanqlin. 

Issa is-sitwazzjoni hi tali li l-Presidernt Trump u l-amministrazzjoni tiegħu iridu  jippreparaw ruħhom għal sentejn b’poter limitat.

Is-sitwazzjoni hi tali li issa għandek il-Partit Repubblikat  jikkontrolla l-White House u d-Demokratiċi issa għandhom il-maġġoranza fil-Kungress. U hawn mill-ewwel kien hemm min beda jqajjem  id-domanda jekk id-Demokratiċi hux se jibdew it-tielet proċess ta’ impeachment kontra l-President Trump. 

Minkejja r-rebħa tagħhom fi Stati meqjusin bħala fortizzi tal-Partit Repubblikan, il-maġġoranza kwalifikata meħtieġa fis-Senat biex tiġi kkonfermata proċedura ta’ impeachment approvata mill-Kamra tad-Deputati tagħmel dan il-proċess improbabbli ħafna. 

M’hemmx dubju li minkejja li Trump u l-amministrazzjoni tiegħu sofrew din id-disfatt, l-era Trump ma tħassritx mill-mappa politika Amerikana fit-3 ta’ Novembru.  Id-domanda li trid issir issa hi jekk hux se naraw bidliet fil-politika tiegħu. Politika li fl-aħħar sentejn ħolqot kontroversji u affettwat b’mod negattivament lill-poplu Amerikan.

Politika li minkejja li pprova jpinġiha sabiħa, wasslet għal konsegwenzi negattivi ħafna.  Ibda mit-tariffi  biex suippost  jipproteġi l-industrija Amerikana u jġib lura l-impjiegi mill-pajjiżi barranin.

Dak li għamel wassal biex introduċa tariffi kbar fuq importazzjonijiet minn diversi pajjiżi, inklużi alleati Amerikani.

Din wasslet biex importaturi Amerikani kellhom iħallsu aktar. Inħolqot inċertezza għan-negozji. Il-pajjiżi milqutin wieġbu b’miżuri kummerċjali tagħhom. Ma’ dan, l-iżbilanċ  kummerċjali Amerikan żdied fis-sena 2025.


Ħafna jiftakru il-wegħda li se jraħħas il-ħajja, b’mod partikolari bi tnaqqis fil-prezzijiet tal-ikel, enerġija u akkomodazzjoni.  Imma fir-realtà x’ġara?. Rajna li l-inflazzjoni splodiet. Il-prezz tal-petrol qabeż l-erba’ dollari għal kull gallun. L-akkomodazzjoni baqgħet għalja. Kien ċar li waqt li l-ekonomija kompliet tikber, ħafna familji ma kinux qed iħossu t-titjib li kien wiegħed Trump.

Kwistjoni li forsi ma laqtitx daqstant lin-nies kienu l-attakki fuq l-indipendenza tal-istituzzjonijiet. Din jidher li lin-nies ftit affettwathom għalkemm turik problemi oħra. Filfatt rajna lil Trump jidħol f’kunflitti ma’ istituzzjonijiet indipendenti, fosthom il-Federal Reserve.

Kwisjoni li qajmet rabbja kbira kienet il-persekuzzjoni kontra l-barranin.  Wiegħed li jsaħħaħ il-fruntieri u jiddeporta immigranti li jinsabu illegalment fl-Istati Uniti. Li wettaq imma kien li ħoloq terrur sħiħ. Dan billi kabbar l-operazzjonijiet tal-Pulizija u l-Immigrazzjoni (ICE), żied id-deportazzjonijiet u r-restrizzjonijiet fuq l-immigrazzjoni u naqqas drastikament ir-refuġjati. Organizzazzjonijiet tad-drittijiet ċivili qajmu tħassib dwar arresti, detenzjoni, separazzjoni tal-familji u d-dritt għal smigħ ġust. Rajna, xeni xokkanti ta’ persuni li spiċċaw tilfu ħajjithom. 

Apparti dawn kien hemm il-maħfra xokkanti lil dawk involuti fl-attakk tal-Capitol, l-attakk fuq l-Iran,  il-wegħda li jtemm fi żmien qasir il-gwerra fl-Ukrajna li ma saritx. Ma’ dawn hemm ukoll ir-relazzjoni mal-alleati Ewropej u man-NATO.

Trump issa fadallu biss l-aħħar sentejn tal-mandat tiegħu, u ma jistax jerġa’ jiġi elett għal mandat presidenzjali ieħor skont it-22 Emenda tal-Kostituzzjoni Amerikana.  

Quddiem id-disfatta li ġarrab se jkun hemm bildet? L-ekonomija, it-tariffi, l-Iran, l-immigranzzjoni, il-Kungress u r-relazzjonijiet industrijali, x’se jiġri wara dan ir-riżultat? Domanda li għalissa għad m’hemmx tweġiba dwarha. Fuq kollox se naraw trid li jsir aktar konfrontuż?

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here