Jikteb Carmenu Abela, Speaker tal-Parlament
F’soċjetà li dejjem aktar qed tagħraf l-importanza tas-saħħa mentali, għad fadal diversi ostakli li jżommu lin-nies milli jitkellmu dwar dak li jkunu għaddejjin minnu. Minkejja li matul is-snin sar progress fl-għarfien u fl-għoti tas-servizzi, l-istigma, il-biża’ mill-ġudizzju u l-preġudizzji għadhom realtà. Dan jgħodd għal kulħadd, inkluż għal dawk li jagħżlu servizz fil-politika u li, minkejja r-responsabbiltajiet pubbliċi tagħhom, jibqgħu l-ewwel u qabel kollox bnedmin.
Ix-xahar li għadda, Malta ngħaqdet mal-bqija tad-dinja biex tfakkar il-Jum Dinji tas-Saħħa Mentali. Din l-okkażjoni sservi ta’ tifkira dwar kemm hu importanti li nkomplu nsaħħu l-għarfien u niftħu aktar spazju għal diskussjoni dwar suġġett li jolqot lil kull wieħed u waħda minna. Madankollu, din il-konversazzjoni m’għandhiex tkun limitata għal ġurnata jew xahar partikolari. Jeħtieġ li nkomplu nitkellmu dwar is-saħħa mentali matul is-sena kollha, kemm għall-ġid tagħna nfusna kif ukoll għal dawk ta’ madwarna.

Bħalma jgħidu t-Taljani, “mente sana, corpo sano”. Il-benesseri mentali u dak fiżiku huma marbutin mill-qrib u ma jistgħux jitqiesu bħala żewġ realtajiet separati. Meta l-istat tas-saħħa mentali ma jkunx tajjeb, dan jista’ jaffetwa wkoll is-saħħa fiżika, ir-relazzjonijiet personali, il-ħajja familjari u l-kapaċità li niffaċċjaw l-isfidi ta’ kuljum.
F’Malta, fejn il-komunitajiet huma żgħar u n-nies jafu lil xulxin, din il-kwistjoni tista’ tieħu dimensjoni aktar sensittiva. Xi drabi, il-biża’ li wieħed jiġi ġġudikat, mifhum ħażin jew il-problemi personali tiegħu jsiru magħrufa min oħrajn, tista’ żżommu milli jfittex l-għajnuna. Għalhekk irridu naħdmu biex nikkontestaw l-istigma permezz tal-għarfien, l-edukazzjoni u fuq kollox l-empatija.
Is-saħħa mentali għandha tingħata l-istess importanza li nagħtu lis-saħħa fiżika. Li wieħed jitlob l-għajnuna mhux sinjal ta’ dgħjufija, iżda ta’ saħħa u kuraġġ.
F’dawn l-aħħar snin rajna diversi inizzjattivi u programmi maħsuba għal kategoriji differenti tas-soċjetà. Saru sforzi biex is-saħħa mentali taż-żgħażagħ tingħata iktar attenzjoni, kif ukoll dik tal-atleti li jiffaċċjaw pressjonijiet partikolari fil-qasam sportiv. Inħolqu wkoll inizzjattivi mmirati lejn irġiel li jkunu għadhom kemm saru missirijiet, kura perinatali għan-nisa, inizjattivi ta’ appoġġ għas-saħħa mentali tal-ommijiet u t-trabi, kif ukoll organizzazzjonijiet oħra li jindirizzaw in-nuqqas ta’ servizzi fil-qasam tal-benesseri emozzjonali ġenerali fin-nisa, filwaqt li aktar postijiet tax-xogħol qed jagħrfu l-importanza tal-benesseri mentali tal-impjegati tagħhom.
Dawn l-inizzjattivi juru li s-saħħa mentali mhijiex kwistjoni limitata għal ċerta età, professjoni jew sitwazzjoni tal-ħajja. Għalhekk, għaliex ma mmorrux pass ieħor lil hinn u ninkludu wkoll lill-politiċi f’din il-konversazzjoni?
Il-ħajja politika hija waħda impenjattiva u ħafna drabi mimlija pressjoni. Il-politiċi jridu jlaħħqu ma’ responsabbiltajiet istituzzjonali, jgħaddu minn kritika kontinwa, ikollhom jieħdu deċiżjonijiet diffiċli, konsistentament qed jiġu esposti fuq il-midja soċjali. Wara kull diskors u kull laqgħa u kull dehra fil-pubbliku, hemm individwi li għandhom ħajja privata, il-familji tagħhom u sfidi personali li mhux dejjem huma viżibbli għal ħaddieħor.
Il-fatt li politiku jidher kunfidenti quddiem il-kamera, ma jfissirx neċessarjament li jkun qed iħossu tajjeb.
Dan kollu jwassal għall-ħtieġa li niddistingwu bejn dak li huwa fl-interess pubbliku u dak li sempliċiment jissodisfa l-kurżità. Il-ġurnalisti għandhom kull dritt jistaqsu mistoqsijiet diffiċli, jinvestigaw fejn hemm bżonn u jżommu lill-politiċi responsabbli. Iżda dan għandu jsir fl-istess ħin li jiġu rispettati l-privatezza u d-dinjità tal-individwu. Il-fatt li persuna tagħżel li tidħol fil-ħajja politika, ma jfissirx li titlef id-dritt tal-privatezza.
Lanqas ma għandna ninsew li l-pressjoni ta’ dan kollu, tieqaf mal-politiku biss. Il-familjari u l-maħbubin tagħhom jistgħu wkoll jiġu affetwati mill-espożizzjoni pubblika, mill-kritika u mill-attenzjoni kontinwa, minkejja li ma jkunux għażlu huma stess li jkunu parti mill-ħajja politika.
Huwa importanti wkoll li nifhmu li ma nistgħux inqabblu l-esperjenzi ta’ persuna ma’ ta’ oħra, u lanqas għandna npoġġu kundizzjonijiet tas-saħħa mentali f’kejl sempliċi ta’ min hu iktar jew inqas serju. Kull esperjenza hija unika u jistħoqqilha attenzjoni, rispett u għajnuna xierqa.
Illum jeżistu diversi entitajiet kemm pubbliċi kif ukoll privati, li joffru servizzi professjonali u ta’ sostenn lil min ikun għaddej minn xi diffikultà. Jeħtieġ li nkomplu nippromwovu dawn is-servizzi, sabiex finalment ħadd ma jħossu waħdu.
Fl-aħħar mill-aħħar, is-saħħa mentali hija responsabbiltà kollettiva għax għandna nibnu soċjetà fejn kulħadd iħossu komdu jitkellem, ifittex għajnuna u jingħata l-appoġġ meħtieġ mingħajr biża’ ta’ stigma jew ġudizzju.
Ejjew għalhekk inkompli din il-konversazzjoni mhux biss f’jum wieħed jew f’xahar wieħed, iżda ta’ kuljum. Għax politiku jista’ jkollu responsabbiltà lejn il-pajjiż, iżda jibqa’ wkoll bniedem tad-demm u l-laħam. Politiku għandu bżonn jieħu ħsieb saħħtu u l-benesseri tiegħu u ta’ familtu wkoll.
Wara kull figura pubblika, hemm persuna li jistħoqqilha r-rispett, empatija u kompassjoni neċessarja, sabiex ħadd ma jħossu li jrid jiffaċċja l-isfidi waħdu.




