Friday, November 22, 2024

PASS LI FETAĦ IL-BIEB IMPORTANTI

Aqra wkoll

Dan l-aħħar, il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi ressaq liġi biex il-kuntratturi tal-bini, ikunu reġistrati.  Filwaqt li dan hu pass u mhux xi qabża kbira imma hu importanti għaliex fetaħ bieb biex intejbu x-xogħol fil-qasam tad-djar fejn jgħixu n-nies. Jidher ukoll li dan il-Ministeru mhux biss qed iħares lejn il-preżent imma wkoll lejn il-futur – xi ħaġa importanti minħabba t-tibdil li żgur ser jaffettwana fi ftit snin oħra.

Qed nikteb li dan hu pass importanti, għaliex konna ilna ma naraw tibdil f’dan il-qasam.  Riċentament, ġieni f’idejja r-rapport ‘Il-Qagħda tad-djar u Aspetti oħra ta’ l-Ambjent Urban ġo l-Isla’ miktub mill-Perit Dr Edwin Mintoff, li kien ġie ppubblikat wieħed u tletin sena ilu – fl-1992.  Dan l-istudju kien jiffoka fuq l-Isla imma kien fih kummenti importanti li jolqtu l-qasam tal-bini li jaffettwaw mhux biss lill-Isla imma lil Malta kollha. 

Fost dawn issemma li għandha ssir legiżlazzjoni li tirrestawra l-bini speċjalment dak antik.  Dan jolqot speċjalment il-postijiet antiki fosthom il-Belt kapitali, sew it-Tlett Ibliet u ċentri ta’ postijiet oħra.  Aspett importanti ieħor li ssemma kien li hemm bżonn li niffukaw fuq spazji miftuħa biex in-nies ikollhom żvog u jkunu jistgħu jgawdu aħjar sew ħajjiethom u sew il-familja tagħhom.  F’dawn l-ispazji miftuħa persuna mhux biss tista’ sserraħ moħħha wara ġurnata xogħol imma dawn l-ispazji joffru opportunita’ biex is-sens ta’ komunita’ tiżviluppa b’mod qawwi.  

Li tiskanta hu li fl-ewwel għoxrin sena wara din il-pubblikazzjoni minn dawn l-affarijiet ma kien sar xejn.  Kien biss fl-aħħar 10 snin li l-gvern beda jittratta dawn l-affarijiet.  Mhux talli hekk, imma beda jwettaqhom.  Jekk nieħdu l-ispazji miftuħa, dan kien wieħed mill-aktar affarijiet li dan l-gvern kien emfasizza fl-aħħar kampanja elettorali u mill-ewwel beda jwettaq dak li wiegħed fl-ewwel sena f’ħafna postijiet.  

Barra dawn l-affarijiet issemmew affarijiet oħra fosthom in-nuqqas ta’ standards li jirregolaw il-bini.  Dawn l-istandards għandhom jirregolaw aspetti bħad-daqs, stabilita’, umdita’, dawl, ventilazzjoni naturali eċċ.  Jien nassumi li tul dan iż-żmien kollu kien hemm xi żviluppi.  Biss ċert ukoll li dak li sar ġdid kien wieħed żgħir.  Jekk nieħdu d-daqs tal-bini tad-djar, aktar ma jmur aktar id-daqs qed jiċkien.  Niftakar ftit snin ilu meta kont qed infittex dar, kont bqajt skantat biċ-ċokon ta’ ħafna appartamenti li qed jinbnew.  Mhux biss il-kmamar f’ħafna postijiet saru tikka, imma anki rajt kuruturi ta’ flats li tant kienu dojoq li tnejn min-nies ma kienux jgħaddu ħdejn xulxin b’mod komdu aħseb u ara kemm ser jgħaddu nies f’daqqa jekk ikun hemm xi kriżi. 

Jekk nieħdu l-umdita’ u d-dawl, ftit li xejn li jagħtu kashom minn qed jiddisinja l-bini.  Per eżempju, tant ma nagħtux kas id-dawl naturali li stħarriġ li kont rajt fuq l-użu tal-enerġija f’Malta, juri li ħafna mill-elettriku li jintuża fid-djar jintuża biex indawlu l-kmamar.  Dan meta, jekk m’għandna xejn, waħda mill-aktar affarijiet li għandna Malta hu t-tul u l-qawwa ta’ dawl tax-xemx li għandna.  

Fuq l-umdita’, waħda mill-aktar affarijiet li konna rajna dawn l-aħħar snin mill-problemi li kienu qed jiffaċċjaw konsumaturi li xtraw postijiet ġodda mhux biss kienet l-umdita’ li ma nagħtux kasha, imma l-ilma li jidħol f’ħafna postijiet li jindika li l-istandard tal-bini li qed jibnu ħafna kuntratturi hu wieħed baxx.  

Hu għalhekk li l-fatt li l-kuntratturi ser ikollhom jirreġistraw ruħhom hu pass importanti għaliex qed jftaħ il-bieb biex jitjiebu l-istandards u b’hekk il-konsumaturi jieħdu affarijiet tajbin għal dak li qed iħallsu wisq tajjeb għalih.  

Imma l-aktar ħaġa li laqtitni meta kienet qed issir il-konsultazzjoni pubblika kien in-nuqqas ta’ kummenti tan-nies komuni li fuq kollox huma l-konsumaturi finali tal-bini.  Qiesu dan il-pass mhux ser jaffettwa lill-konsumaturi meta fil-fatt hu pass li l-aktar ser jolqot lilhom!

It-titjib f’dan il-qasam, settur importanti sew għall-ekonomija imma wkoll għall-konsumaturi Maltin. Irridu niftakru li x-xiri tad-djar fejn toqgħod hu qasam importanti għall-konsumaturi Maltin.  Tant il-proprjeta’ fejn joqogħdu hi ħaġa importanti, li narawh mill-ammont ta’ bini li jinbiegħ minkejja li l-prezzijiet splodew ‘il fuq.

In-nuqqas ta’ interess jindika li l-konsumaturi mhux qed jirrealizzaw it-tibdil li ser ikun hemm fis-snin li ġejjin.  Ftit nies jafu li l-Parlament Ewropew ftit ta’ ġimgħat ilu approva li l-bini kollu ser ikun meħtieġ li jkollu insulation tajba biex ma jitlifx enerġija sal-2050.  Hu minħabba li ftit jafu b’dan,  li dawk li qed jixtru d-djar ftit, jekk jagħtu kas, tal-Energy Performance Certificate (EPC) li jagħti indikazzjoni kemm il-bini li ser tixtri jitlef enerġija.  Mhux talli hekk imma ftit jirrealizzaw li l-ECP suppost jingħata l-ewwel indikazzjoni tiegħu fir-reklamar! Dan minħabba li l-maggoranza tan-nies lanqas biss jafu x’inhu dan iċ-ċertifikat.

Hu minħabba dawn l-affarijiet li il-ħtieġa ta’ reġistrazzjoni tal-kuntratturi hu importanti għaliex mhux biss ser jolqot lill-kuntratturi imma ser jolqot pożittivament lill-konsumaturi Maltin.  Nisperaw li dan l-ewwel pass fetaħ il-bieb għal aktar standards għolja.  Li hemm tajjeb hu li l-Ministru Zrinzo Azzoppardi li hu responsabli minn dan is-settur beda jċaqlaq ħafna aspetti oħra f’dan is-settur – moviment li żgur ser iġib bidla li tħares sew lil dan is-settur u anki lill-konsumaturi.

Sport