Sunday, December 22, 2024

PASSAPORTI “TAD-DEHEB”

Aqra wkoll

Tista’ bħali, ma tantx għandek grazzja mal-iskema li biha jinħarġu passaporti “tad-deheb” fejn barranin, wara li jkunu ħallsu ċerta somma b’“investiment” fil-pajjiż u jagħtu prova li qed jgħaddu parti mis-sena fostna, isiru “Maltin” u jinħarġilhom passaport Malti.  Imma m’hemmx dubju li l-gvern Malti – u kull gvern ta’ pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea – għandu kull dritt legali li jagħmel dan. L-ebda regola fl-ebda parti tal-Unjoni ma timpedi dil-ħaġa li bir-raġun titqies parti mis-sovranità nazzjonali.

Fil-fatt, il-Kummissjoni Ewropea – li ħarġet qatta bla ħabel kontra l-iskema – kellha u qed ikollha problemi sew biex issib bażi legali soda li fuqha tista’ sserraħ il-każ tagħha.

Li jiskantani fil-pożizzjoni tal-Kummissjoni hu dan: politikament isserraħ l-argumenti tagħha fuq il-punt li ċittadinanza fl-Unjoni Ewropea m’għandhiex tkun għall-bejgħ, aktar u aktar għax thedded is-sigurtà tal-Unjoni. Biss, il-punt dwar sigurtà suppost japplika għal kull skema ta’ ċittadinanza: pereżempju l-iskema Spanjola awtomatika għal familji Lhud dixxendenti tal-familji Lhud li tkeċċew minn Spanja fi tmiem iż-Żminijiet tan-Nofs. Dwarha l-ebda inkwiet ma tqajjem.

***

KONTABILITÀ

Kull deputat f’Parlament, għandu d-dmir li jagħti rendikont lill-poplu ta’ għemilu. L-aħjar post biex jagħmlu hu fil-Parlament stess. Ħaġa ovvja li f’demokrazija se jisfa kkritikat u kkundannat minn ħafna li politikament huma avversarji. Mhux bilfors se jiġi appoġġjat minn dawk tal-istess fehma bħalu  

Nara li r-rifjut li tagħti akkont ta’ dak li tkun wettaqt mhux biss bħala membru tal-parlament imma aktar u aktar bħala Ministru – jew li tipprova tiżgiċċa minn dan id-dmir – hu imġiba skorretta u ndenja. Qabel il-kas ta’ bħalissa dwar hekk, l-aħħar episodju fuq linja simili kien ir-rifjut tal-gvern ta’ Fenech Adami li jagħti akkont ta’ kif biegħ il-Mid Med Bank. F’dak il-każ, il-gvern kien fl-aħħar ra d-dawl tar-raġuni.

***

GLASGOW

Ftit jidher li l-konferenza ta’ Glasgow dwar il-klima se tkun suċċess. Wisq pajjiżi ta’ stoffa se jibqgħu lura milli jattendu fl-ogħla livell. U l-wegħdiet ta’ impenji li qed jissemmew dwar miżuri għall-ħarsien tal-ambjent baqgħu lura sew milli jilħqu l-miri suġġeriti biex jitrażżnu l-effetti perikolużi ta’ xinhu qed jiġri dwar il-klima li baqgħet tisħon.

Sadattant l-esperti tal-Ġnus Magħquda u oħrajn żiedu fit-twissijiet tagħhom: diġà minflok jitrażżnu, dawn l-effetti donnhom qed jaċċelleraw.

L-esperti qed jitwemmnu, mhux le. Li qed jiġri hu li l-gvernijiet qed jiddarrsu jieħdu miżuri iebsa llum li se jkollhom effetti politiċi negattivi għal negattivi ħafna. Aktar jibżgħu minnhom milli minn x’jista’ jiġri wara, meta ħafna mill-mexxejja politiċi se jkunu laħqu mietu mewta naturali.

Ekonomija

Sport