Tuesday, April 23, 2024

Patri Marius Zerafa

Aqra wkoll

Nhar il-Ħadd li għadda ħalliena dan il-patri erudit u kkulurit

Hija sensazzjoni stramba tkun għadek kif sirt taf lil xi ħadd u wara ftit dan imut. Hekk ġrali ma’ Patri Marius Zerafa, patri Dumnikan li għex ħafna, mhux biss fil-kwantità ta’ snin imma fil-kwalità. Sirt nafu biss erba’ xhur eżatt qabel ħalliena. L-ewwel kuntatt miegħu għamiltu permezz tal-media soċjali nhar it-18 ta’ Ġunju ta’ din is-sena. Minkejja li Patri Marius kellu 92 sena huwa kien attiv sew fuq l-internet u kuljum kien itella’ ritratti tal-ħajja tassew ikkulurita tiegħu.

Bis-saħħa ta’ Boffa

Kont ili nsegwi l-posts ta’ Patri Marius għal ħafna żmien u meta ġejt biex nikteb sensiela ta’ artikli għal dan il-ġurnal dwar l-ex Prim Ministru Pawlu Boffa f’għeluq is-60 sena minn mewtu ftakart li Patri Marius kien wieħed min-neputijiet tat-Tabib Boffa u l-iktar wieħed minn familtu li baqa’ jfakkru. Għamilt il-kuraġġ u bgħattlu messaġġ fuq Messenger. Weġibni minnufih, “Grazzi ferm. Jekk trid ritratti, informazzjoni eċċ. nieħu pjaċir ngħin. Saħħiet.”

Tlett ijiem wara kont fil-Knisja tan-Nazzarenu, Tas-Sliema. Mort nisma’ quddiesa qabel nitla’ f’kamartu. Ma kienx soltu jqaddes hu tad-disgħa imma dakinhar il-patri li s-soltu jqaddisha kien marid u qaddes hu minfloku. Kien għadu tajjeb fiżikament. Il-vuċi tiegħu ċara. Fit-tqarbin biss kien iserraħ ma’ bank waqt li jqarben. Ma kienx qed jistenna li se jarani fil-quddiesa wkoll. Minkejja li qatt ma kien rani qabel, feraħ bija xħin dħalt fis-sagristija u apprezza li ħadt daqstant interess f’zijuh.

Robert Aloisio
Jikteb Robert Aloisio

Imbagħad tellagħni fil-kamra tiegħu fil-Kunvent tad-Dumnikani. Kamra kbira mimlija kotba. Arti, storja, politika, filosofija. Minn kollox. Kollezzjoni ta’ pipi (Patri Marius baqa’ sal-aħħar ipejjep il-pipa). Kompjuter modern b’concave screen. Rokna ddedikata lil zijuh Pawlu Boffa bi statwa tiegħu u oġġetti li kellhom x’jaqsmu miegħu. Akwjarum bi presepju ġo fih. Is-sodda sempliċi tiegħu. Veduta mill-isbaħ tal-Port ta’ Marsamxett mit-tieqa tal-kamra tiegħu fuq ix-xatt ta’ Tas-Sliema, in-naħa ta’ Tignè. Għamilna l-isbaħ tliet sigħat nitkellmu, mhux biss dwar zijuh, imma wkoll dwar San Ġorġ Preca li kien sar jaf f’żgħożitu.

Salvinu u Dun Ġorġ

Salvinu (hekk kien jismu qabel daħal patri) Zerafa twieled il-Birgu, nhar it-13 ta’ Ottubru 1929, bin Joseph u Maria, oħt Pawlu Boffa. Semmewh Salvinu għal zijuh (wieħed mill-ħames aħwa ta’ Pawlu Boffa) li kien ukoll għal saċerdot imma kien miet żgħir waqt li kien qed jistudja fil-Kulleġġ Ingliż ta’ Ruma. Beda l-edukazzjoni tiegħu fl-Iskola Primarja tal-Gvern sakemm ta’ disa’ snin daħal il-Liċeo. Kuġinuh, George Boffa, li llum għandu 89 sena u ilu 40 sena jgħix l-Awstralja, qalli li “bħala ġuvnott Salv kien imqareb u kuraġġuż ħafna. Ma kien jibża’ minn xejn, u hekk baqa’! Konna grupp, il-maġġoranza studenti l-Liċeo. Konna anki f’għaqdiet Kattoliċi bħall-Museum.”

Hekk, fi tfulitu, Salvinu kull nhar ta’ Erbgħa kien imur jisma’ lill-Fundatur tas-Soċjetà tal-Museum Dun Ġorġ Preca jitkellem fil-Knisja ta’ Sarria. Dwar il-laqgħat tiegħu ma’ Dun Ġorġ, Patri Marius kellimni fit-tul u urieni wkoll santa ta’ Ġesù tfajjel li kien tah u li hu tmenin sena wara baqa’ jżomm b’tant għożża. Salvinu baqa’ impressjonat bil-kliem sempliċi imma profond ta’ Dun Ġorġ. 

L-iskola kien hemm student li kien dejjem jitkellem dwar il-patrijiet Dumnikani. Dan qatt ma sar patri imma lil Salvinu influwenzah. Dwar dan mar ikellem lil Dun Ġorġ fil-Knisja ta’ San Gejtanu l-Ħamrun. Preca staqsieh numru ta’ staqsieh imbagħad qallu li għandu jingħaqad mad-Dumnikani. Patri Marius qalli li jiftakar lil Dun Ġorġ ikellmu fit-tul dwar id-devozzjoni speċjali tad-Dumnikani lejn il-Madonna. Kien staqsieh kellux l-ewwel jidħol l-Università kif missieru kien qed jinsisti miegħu li jagħmel. Imma Dun Ġorġ qallu biex jidħol minnufih mad-Dumnikani għax is-sena ta’ wara ma kinux se jaċċettaw novizzi. Patri Marius qalli li fil-fatt hekk ġara.

Salvinu jsir Marius

Hekk, fl-1945, bl-inkoraġġiment ta’ Dun Ġorġ, Salvinu ta’ sittax-il sena ngħaqad mal-Ordni Dumnikan u ħa l-isem ta’ Marius. George Boffa qalli, “Niftakar sewwa meta laqtitna l-aħbar, li ssorprenditna, li Salv kien sejjer Patri fl-Ordni Dumnikan, li Salv kien trabba tefgħa ta’ ġebla mill-Kunvent tagħhom il-Birgu. Fis-snin ta’ wara l-Gwerra, il-Patrijiet Dumnikani kienu fil-Palazz tal-Inkwiżitur, fit-triq fejn kienet toqgħod il-familja. Il-jum li daħal il-familja inġabret fil-Kunvent tad-Dumnikani, ir-Rabat. Hemm beda triq li ħadd preżenti hemm dakinhar  ma kien jimmaġina… Naħseb, anzi konvint, li  l-Professur Patri Provinċjal Serafin Zarb, ħabib u ta’ rispett kbir reċiproku mal-familja Boffa, tah l-isem Marius għax hekk xtaq iz-Ziju Ġuż, missier Salv.”

Marius għamel tliet snin fid-Dar tal-Istudji Dumnikani fir-Rabat u mbagħad intbagħat f’Hawkesyard, Staffordshire, l-Ingilterra u aktar tard il-Blackfriars f’Oxford. Kien ordnat saċerdot fil-Knisja ta’ Sant’Anjeże fi Piazza Navona f’Ruma fil-21 ta’ Marzu, 1953. F’Ruma kiseb ukoll il-Lettorat u l-Liċenzjat fit-Teoloġija Sagra u d-Dottorat fix-Xjenzi Soċjali. 

William Wait, ir-raġel tan-neputija ta’ Patri Marius, illum chairman tal-Malta Enterprise, qalli li, “fuq kollox iz-Ziju Salv kien saċerdot iddedikat – qalli kemm-il darba li l-aqwa żewġ deċiżjonijiet li ħa f’ħajtu kienu li jsir patri Dumnikan u li ma jiżżewwiġx! Fejn tidħol il-Fidi u d-dmirijiet reliġjużi tiegħu ma kienx jagħmel kompromessi. Kien ikun dejjem preżenti għad-dmirijiet reliġjużi.” Sirt naf ukoll li kien iqatta’ Awwissu dejjem f’Ruma iqarar b’diversi lingwi fil-Knisja ta’ Santa Maria Maggiore.

Tassew Ċittadin tad-Dinja

Patri Marius studja fl-Università tal-Istat f’Ruma mnejn kiseb Diploma fl-Istorja tal-Arti. Aktar tard kiseb ukoll il-Baċellerat bl-Unuri fl-Istorja tal-Arti mill-Università ta’ Londra. Fis-snin sittin, Zerafa segwa wkoll korsijiet fis-Sorbonne u fl-Ecole de Louvre, Pariġi, fl-Università ta’ Firenze, fi Brera, Milan u fil-Fondazione Cini, Venezja. 

Huwa ġie dekorat b’diversi unuri minn soċjetajiet Ingliżi, Taljani, Franċiżi u Russi. Patri Marius kien ukoll ko-Fundatur tas-Soċjetà ta’ Ħbiberija Maltija-Sovjetika. Sergei Medvedev, li kien Direttur taċ-Ċentru Kulturali Russu fil-Belt Valletta (2003-2011), mal-aħbar tal-mewt ta’ Patri Marius qal li, “Marius Zerafa huwa simbolu ta’ paċi, Kristjaneżmu u mħabba vera fost in-nies. Anke matul iż-żmien tal-Purtiera tal-Ħadid, Marius, immexxi biss minn twemminu, kultant kien jiġi l-Unjoni Sovjetika jqaddes fil-kappelli magħluqa ta’ Moska u Leningrad. U l-awtoritajiet, b’rispett lejn il-virtù tiegħu, ma kinux iwaqqfuh. Kien jemmen b’qalbu kollha li r-rabta bejn Malta u r-Russja, mibnija fuq valuri Nsara komuni, kienet se tirbaħ fuq kull diffikultà.”

Fil-fatt, William Wait qalli li, “ġrajja li dejjem irrakkuntali bi tbissima kienet meta qaddes f’Moska fiż-żmien meta l-Komuniżmu kien fl-aqwa tiegħu. Ġrajja li spiċċat fil-ġurnali Maltin bit-titlu “Qassis Malti jqaddes f’Moska” (Maltese Priest says Mass in the Soviet Union – undisturbed!) Kien iħobb lir-Russja, bħalma kien iħobb lill-Italja, Franza, l-Ingilterra, l-Istati Uniti u l-Kanada. Huwa fil-fatt kien iħobb id-Dinja u kien jaffaxxina ruħu b’dak kollu li kellu x’jaqsam ma’ arti, storja u kultura. Ħafna minn dawn il-pajjiżi wrew l-apprezzament tagħhom billi ppremjawh b’xi wħud mill-ogħla unuri tagħhom.”

Għalliem

Bejn l-1954 u l-1962, Patri Marius għallem l-Istorja u l-Letteratura fil-Kulleġġ San Albertu l-Kbir. Għallem il-Filosofija Soċjali u l-Arti Sagra fid-Dar tal-Istudji Dumnikani, ir-Rabat. Għallem ukoll is-Soċjoloġija fil-Kors Pastorali għall-Kleru, l-Istorja u l-Apprezzament tal-Arti fl-Iskola tal-Arti, l-Arti Sagra fis-Seminarju Maġġuri, l-Apprezzament tal-Arti fil-Kulleġġ St Edward’s, u l-Letteratura Ingliża u l-Istorja tal-Arti fil-Monasteru ta’ Santa Tereża, Bormla. Regolarment kien jagħti taħdidiet, l-aktar dwar l-Arti, fil-British Council, l’Istituto Italiano di Cultura, l-Alliance Francaise u ċentri kulturali oħra. 

Zerafa kien mistieden jagħti taħdidiet fi Smithsonian, Washington; fl-Università ta’ Fordham, New York; fl-Università Amerikana, Ruma; fil-Kurja Dumnikana Generalizia, Ruma; f’Aspen Museum, Colorado; fl-Università Statali ta’ Moska; fl-Akkademja għall-Arti Kontemporanja, Moska; fl-Akkademja għad-Disinn, Togliattigrad; fil-Mużew Preti, Taverna; fil-Mużew ta’ Budapest, kif ukoll istituzzjonijiet edukattivi oħra.

Ħa sehem ukoll f’konferenzi Internazzjonali f’Quebec, Tuneż u bliet oħra u għen fl-organizzazzjoni ta’ bosta wirjiet tal-arti f’Londra, Pariġi, Moska u Palermo.

Direttur tal-Mużewijiet

Waqt li kien qed jistudja Firenze, il-Qaddej t’Alla Giorgio La Pira, Terzjarju Dumnikan u ex sindku tal-belt kien ħeġġu biex iwaqqaf Ċentru tal-Arti f’San Marco, iżda Patri Marius kellu jirritorna Malta għal raġunijiet familjari. 

Fl-1970, Zerafa ingħaqad mad-Dipartiment tal-Mużewijiet bħala Assistent Kuratur tal-Belle Arti u kien responsabbli mit-twaqqif tal-Mużew Nazzjonali tal-Belle Arti (Fine Arts), il-Belt Valletta u l-Mużew tal-Arti Kontemporanja f’San Ġiljan. Sar Kuratur tal-Belle Arti fl-1975 u Direttur tal-Mużewijiet fl-1981. Miegħi semma’ b’tifħir lill-Ministri (u wara Presidenti tar-Repubblika) Anton Buttigieg u Agatha Barbara u li t-tnejn ħadem tajjeb magħhom. Patri Marius kien responsabbli mill-ftuħ ta’ numru ta’ mużewijiet f’Malta u Għawdex.

Is-Serqa u s-Sejba tal-Caravaggio 

Matul dan il-perjodu huwa kien involut fl-irkupru tal-pittura ta’ San Ġirolmu tal-Caravaggio li nsterqet mill-Kon-Katidral ta’ San Ġwann f’Diċembru 1984. Bit-tattika tiegħu mal-ħallelin li kienu jikkomunikaw miegħu bit-telefon, irnexxielu wara tmien xhur jirkupra b’suċċess dan il-kapolavur. Patri Marius irrakkonta dan kollu fil-ktieb “Caravaggio Diaries” (2004) u s-sena l-oħra l-istazzjon Amerikan PBS ipproduċew dokumentarju bl-isem “The Caravaggio Heist” fis-sensiela “Secrets of the Dead” li matulu Patri Marius jiġi intervistat fit-tul.

Fl-1990, Zerafa irtira mid-Dipartiment tal-Mużewijiet bl-età, meta għalaq 61 sena. Iżda kien għadu baqagħlu tletin sena oħra x’jgħix. Wara dan, huwa sar lecturer fl-Arti Sagra fl-Università Angelicum, f’Ruma. Kien ukoll ‘Aquinas Visiting Scholar’ fl-Università ta’ Toronto, il-Kanada. Baqa’ jagħti lekċers f’ċentri kulturali f’Malta, u spiss kien imexxi gruppi ta’ studenti f’tours kulturali barra minn Malta.

Kburi u Umli

Fi kliem William Wait, “iz-Ziju Salv kien bniedem kburi – kburi mhux b’dak li kiseb u wettaq – imma sinċerament kburi b’dak li kisbu familtu, sħabu u l-aktar l-istudenti tiegħu. Dak li kiseb hu, hu magħruf minn kulħadd u jekk Alla jrid ikun formalizzat aktar fis-snin li ġejjin… Qatt ma għadda jum li ma kienx iżur jew iżuruh il-bosta ħbieb li kellu fosthom bosta Diplomatiċi f’Malta u madwar id-dinja kollha, storiċi u kittieba.”

“Il-motto tiegħu kien ‘Eppur Si Muove’, il-famuża frażi ta’ Galileo li qal wara li kien imġiegħel mil-Inkwiżizzjoni jiċħad it-twemmin tiegħu li d-dinja ddur max-Xemx. Meta kien jemmen li xi ħaġa kellha ssir, kien jagħmel minn kollox biex din issir.”

“Żball kbir li darba għamilt – fil-bidu li sirt nafu – kien meta tlabtu jagħtini valur monetarju ta’ biċċa arti partikolari. Jien, bħala student tal-accountancy dak iż-żmien, kont nemmen li kollox għandu valur monetarju. Il-lezzjoni li ħadt mingħand iz-Ziju Salv kienet li l-arti m’għandhiex valur monetarju għal min tassew japprezzaha, lezzjoni li għadni niftakarha sal-lum. Għalih il-flus ma kellhom assolutament ebda valur. Kien ċar li dak li tassew kien jipposjedi kienu l-valuri tal-familja, il-fidi, il-ħbieb u l-istudenti tiegħu (li kollha saru ħbiebu).”

Kuġinuh, George Boffa, qalli li “tul is-snin, mill-viċin u mill-bogħod segwejt b’għaġeb u ammirazzjoni, il-ħajja tal-kuġin eminenti u speċjali tiegħi. Barra li kellu ħafna suċċessi fl-arti, suċċessi akkademiċi u anki fl-amministrazzjoni u bħala ‘detective’, kellu fid-demm, fil-‘genes’,  impuls biex jagħmel il-ġid lil kulħadd, kbir u żgħir, għoli u umli, lil kulħadd! Hekk niftakru, hekk għex, dejjem fl-istess vina ta’ bontà minn demmu, bħal zijuh, Pawlu,  li tant hu kien iħobb u jammira, Pawlu, it-Tabib Boffa!”

L-Aħħar Laqgħa ma’ Patri Marius

Dan nista’ nixhdu jien miż-żewġ laqgħat twal li kelli miegħu lejn l-aħħar ta’ ħajtu. L-aħħar laqgħa miegħu fil-fatt kont pjanajtha miegħu għall-24 ta’ Awwissu li għadda. Qalli, “Inħallas ftit mid-dejn li għandi lejn il-Museum!” Dakinhar ħadtlu madwar tletin adolexxent mill-Qasam tal-Museum tas-Swatar. Ma kienx qed jistenna daqshekk żgħażagħ. Kien baqa’ impressjonat bin-numru u bl-attenzjoni tagħhom waqt li qagħad jirrakkuntalhom l-esperjenza tiegħu tal-Gwerra u s-sejba ta’ San Ġilormu, iż-żewġ suġġetti li kont tlabtu jien biex ikellimhom dwarhom.

Wara t-taħdita li għamilhielhom fis-sala t’isfel tal-Kunvent tan-Nazzarenu, tellagħhom kollha fil-kamra tiegħu u tant ħa gost idawwarhom mal-oġġetti li kien iżomm b’għożża. Uriehom ukoll silta mid-dokumentarju Amerikan dwar is-serqa ta’ San Ġilormu u qallhom li xi darba jixtieq jurihulhom kollu. Qabel tlaqna rregala biċċiet ta’ skultura li ħadem hu stess liż-żgħażagħ. Id-darba ta’ qabel lili kien irregalali statwa ta’ zijuh Pawlu Boffa.

Patri Marius baqa’ ġej iwassalna sal-bieb ta’ barra bi tbissima kbira fuq fommu u xtaq jixtri ġelat lil kull tifel li kien hemm imma qalli, “ma stennejtx li ħa jkunu daqshekk!” Tefa’ idejh it-tnejn fuq spallejja u sellimna lil xulxin u qalli li jixtieq jerġa’ jiltaqa’ miegħi biex jagħtini iktar tagħrif dwar zijuh Pawlu Boffa għax xtaqni noħroġ bijografija iktar dettaljata. Mur għidli li kellha tkun l-aħħar darba li ltqajna.

Patri Marius iħallina

Patri Marius Zerafa miet il-Ħadd li għadda, 23 ta’ Ottubru, għaxart ijiem wara li għalaq 93 sena. Xahar u nofs qabel kien għadu kif irċieva Ġieħ il-Birgu u dalwaqt kien se jirċievi unur ieħor mill-Kunsill ta’ Tas-Sliema. Il-funeral tiegħu sar nhar it-Tlieta fil-Knisja tan-Nazzarenu, Tas-Sliema u ndifen fil-qabar tal-Provinċja Dumnikana, fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata.

Intemm dan l-artiklu bi kliem ta’ wieħed mill-istudenti tiegħu, John Paul Sonnen, “Patri Zerafa għandu sens ta’ ottimiżmu u vitalità bla qies. Xi ħadd li ġenwinament sab ferħ kbir f’ħajja mimlija. Għalkemm qatt ma jammettiha, huwa wieħed mit-teżori nazzjonali ta’ Malta. Isib l-ikbar hena tiegħu fil-kumpanija ta’ ħbieb u studenti leali. U fuq kollox, huwa saċerdot qaddis u umli”. (“The New ‘Fra Angelico’ of the Dominican Order: Fr. Marius J. Zerafa, OP”, Liturgical Arts Journal, 2020)

Sport