Il-midfielder ta’ Manchester United, Paul Pogba jista’ jkun barra mill-azzjoni għall-10 ġimgħat li ġejjin minħabba injury fil-koxxa li sofra waqt sessjoni ta’ taħriġ ma’ Franza.
Il-player ta’ 28 sena kellu jirrappreżenta lil pajjiżu fil-partiti ta’ kwalifikazzjoni tat-Tazza tad-Dinja 2022 li jmiss iżda kien imġiegħel jirtira bi kwistjoni muskolari li sofra fit-taħriġ.
Il-midfielder qed jiffaċċja minn ‘tmien sa 10 ġimgħat’ barra mil-logħob b’din l-injury, li jfisser li mhux se jerġa’ jidher bil-flokk ta’ Man United qabel l-2022.
Pogba bħalissa qed jiskonta sospensjoni domestika għar-Red Devils, tilef il-partiti riċenti kontra Tottenham Hotspur u Manchester City wara li tkeċċa kontra Liverpool fl-24 ta’ Ottubru.
Il-midfielder huwa wkoll sospiż għall-konfront kontra Watford wara l-waqfa internazzjonali iżda kien ikun disponibbli biex jagħmel ir-ritorn tiegħu kontra Villarreal fiċ-Champions League fit-23 ta’ Novembru.
Il-futur ta’ Pogba mat-team ta’ Ole Gunnar Solskjaer jibqa’ suġġett ta’ ħafna spekulazzjonijiet, hekk kif il-kuntratt tiegħu mistenni jiskadi f’Ġunju li ġej, u għad m’hemmx sinjali ta’ estensjoni possibbli.