Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
Minn meta kont ta’ etá żgħra dejjem kont niġri bil-ballun f’idejja. Bdejt il-karriera fuq il-passi ta’ missieri mal-klabb tal-Melita, u meta kelli 12-il sena mort ma’ Birkirkara fejn għamilt sa meta kelli 19-il sena L-ewwel esperjenza tiegħi bħala senior football kienet ma’ Lija Athletic FC fl-Ewwel Diviżjoni, fejn dak l-istaġun ġejna promossi għall-Kampjonat Premier. Lgħabt 408 logħbiet ma’ Lija fejn kien żmien sabiħ ħafna u rbaħna erba’ promozzjonijiet flimkien. Qattajt sentejn ma’ Gzira United fejn irbaħna promozzjoni mill-Ewwel Diviżjoni għall-Malta Premier u l-aħħar sena tiegħi bħala plejer mort ma’ Vittoriosa Stars fejn sibt ħafna nies li f’dak iż-żmien saru ħbieb kbar tiegħi. Bħala futbol kont fortunat ħafna peressli qatt ma kelli injuries, allura stajt nilgħab ħafna logħob.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek fil-Malta Veterans ma’ Birkirkara St Helen’s.
Kif waqaft mill-futbol meta kelli 40 sena, kien kellimni Henry Bray eks kowċ tiegħi meta kont ma’ Birkirkara, biex immur nilgħab fil-kampjonat tal-veterans. L-idea għall-ewwel ma tantx għoġbitni imma kont żbaljat għax sibt kampjonat sabiħ u interessanti mmens, ħafna eks plejers ta’ livell għoli, livell internazzjonali u grazzi għal dan il-kampjonat nibqgħu niltaqgħu u nilagħbu f’livell tajjeb ta’ futbol.
Kif tqis il-livell ta’ dan il-kampjonat?
Huwa livell tajjeb ħafna meta tqis li ħafna mill-plejers huma eks plejers internazzjonali ta’ livell għoli ħafna fil-profil tal-Kampjonat Malti.
U dak tal-futbol Malti inġenerali, u kif rajtu jinbidel tul is-snin?
Nemmen li l-livell tal-futbol Malti tjieb ħafna minn dak il-livell li bdejt jien. Nemmen li l-plejers ta’ dan iż-żmien saru iktar plejers bravi u tekniċi peressli l-kowċis dan iż-żmien saru ħafna iktar bravi fil-logħba tal-futbol.
U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?
Il-livell ta’ faċilitajiet ġo Malta tjieb ħafna, mil-livell tal-Malta Premier sal-inqas livell fil-futbol Malti. Kull klabb għandu t-‘training grounds’ tiegħu, faċilitajiet tajbin ħafna, blalen u apparat tal-ogħla livell. Nemmen li qegħdin fit-triq it-tajba rigward riżorsi, dejjem bil-limiti li aħna gżira żgħira.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Il-futur tiegħi fil-futbol dejjem narah mal-klabb li jien tant ħabbejt u l-klabb li lili dejjem wera fiduċja fija minn etá żgħira … il-klabb li dejjem tani ċ-ċans biex grazzi għalih kelli karriera tajba ħafna fil-futbol. Dan il-klabb huwa bla dubju Lija Athletic FC.
Din is-sena bdejt il-karriera ta’ team manager mal-istess Lija Athletic FC, grazzi għall-president tal-klabb, Colin Ciantar, hekk kif kien hu li saqsieni biex ningħaqad ma’ Lija, u nieħu dan ir-rwol. Bla dubju fadalli ħafna x’nitgħallem u nispera li nkun ta’ suċċess bħalma għamilt bħala plejer ma’ dan il-klabb li tant inħobb.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Il-futbol dan iż-żmien huwa xi ħaġa li anke tista’ tagħmel bħala full-time imma iktar min hekk, permezz tal-futbol tagħmel ħafna ħbieb, ikollok it-tieni familja u jżommok fiżikament u mentalment fid-direzzjoni t-tajba!