Sunday, December 22, 2024

Pittura ta’ imħabba mpittra minn Picasso tinbiegħ għal prezz ta’ $139 miljun

Aqra wkoll

Pittura ta’ Picasso li saret fl-1932, ġabet il-prezz ta’ $139 miljun fejn issa din il-pittura mejqusa bħala ‘masterpiece’ hija t-tieni l-ogħla pittura fid-dinja fil-valur tagħha.

Bl-isem ta’ “Femme a la Montre” (mara bl-arloġġ) il-pittura saret ukoll l-aktar waħda ta’ valur matul is-sena fl-irkanti kollha li saru madwar id-dinja.

Jingħad li l-pittur pitter lil Marie-Therese Walter, mudella Franżiċa li wkoll kienet il-maħbuba tal-pittur Spanjol. Dwar din il-maħbuba Picasso għamel diversi pitturi u kollha huma ta’ valur kbir.

Qabel ma tpoġġiet f’irkant, il-pittura kienet tagħmel parti mill-kollezzjoni privata ta’ Emily Fisher Landau li kienet xtrata fl-1968. Hija kienet mietet u l-werrieta tagħha bdew ibiegħu xi xogħolijiet tal-arti. Issa nxtrat minn kollezzjonijiet li ismu baqa’ anonimu.

Picasso kien isejjaħ din il-pittura bħala “golden muse” hekk kif Marie-Therese Walter meta kellha biss 17-il sena kienet bdiet relazzjoni sigrieta ma’ Picasso f’Pariġi meta hu kellu 45 sena. Picasso dak iż-żmien kien għadu miżżewweġ lil ballerina Ukrena,  Olga Khokhlova.

L-artist kien twieled f’Malaga fl-1881, iżda trabba f’Barcellona. Kien fl-1904 meta Picasso mar lejn Pariġi u sar wieħed mill-aktar artisti magħrufin mad-dinja tas-Seklu 20.

Esperti fl-arti jgħidu li fuq medda ta’ 80 sena Picasso ħoloq madwar 15,000 biċċa ta’ arti. Hu kellu 4 titfal u miet fi Franza fl-1973 fl-età ta’ 92 sena.

Ekonomija

Sport