“Fis-settur tad-drenaġġ diġà saru investimenti u bidliet sostanzjali li qed iħallu l-frott, infakkar li fil-bidu ta’ din is-sena l-Korporazzjoni nediet Pjan ta’ Investiment Nazzjonali komprensiv ta’ €310 miljun immirat lejn il-modernizzazzjoni tal-infrastruttura tal-ilma u d-drenaġġ fil-pajjiż. Pjan ambizzjuż li fil-qasam tad-drenaġġ għandu €48.4 miljun allokati għal rinovazzjoni fin-network u €85.5 miljun f’upgrades”.
Iddikjarat dan il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Miriam Dalli meta kienet qed twieġeb mistoqsija parlamentari li saritilha mid-Deputat Nazzjonalista Jerome Caruana Cilia.
Il-Ministru Dalli spjegat li dan il-pjan jinkludi t-titjib u l-espansjoni tal-faċilitajiet ta’ trattament tad-drenaġġ biex tiżdied il-kapaċità u l-effiċjenza u titjib tan-network tad-drenaġġ biex jiġu evitati blokki u jsir titjib fil-prestazzjoni ġenerali.
Il-Ministru Dalli qalet ukoll li dan il-pjan se jgħin fit-titjib ta’ inizjattivi ta’ riċiklaġġ u użu mill-ġdid tad-drenaġġ fi New Water biex nappoġġjaw lill-bdiewa tagħna u s-sostenibbiltà ambjentali.
Sadanittant, hija semmiet kif fil-jiem li għaddew f’Tas-Sliema ċediet tappiera li sussegwentement ħalliet impatt fuq is-sistema tad-drenaġġ. Ir-residenti ġew infurmati immedjatament dwar dan permezz ta’ stqarrija pubblika fuq siti soċjali, fejn il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ħadet azzjoni minnufih biex il-problema ġiet riżolta fl-iqsar żmien possibbli.
“Kuntrarjament għall-impressjoni li tipprova tagħti l-Oppożizzjoni, il-fatti fir-rigward tal-każijiet li ġraw juru li dawn ma kienux relatati ma’ nuqqasjiet fl-infrastruttura tas-sistema tad-drenaġġ tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma.
“Kif jixhdu wkoll rapporti li joħorġu minn istituzzjonijiet Ewropej, il-kwalità tal-ilma baħar f’pajjiżna dejjem tkun fost l-aqwa,” tenniet il-Ministru Dalli.