Monday, May 13, 2024

Portijiet ewlenin madwar l-Awstralja jkomplu bl-operat tagħhom wara attakk ċibernetiku

Aqra wkoll

Wieħed mill-operaturi ewlenin tal-portijiet tal-Awstralja reġa’ lura online wara attakk ċibernetiku (cyber-attack) li xekkel l-operat tiegħu. Il-ħidma fit-terminals tal-kontejners ta’ DP World Australia f’Melbourne, Sydney, Brisbane u Perth spiċċat biex ġiet imxekkla mill-Ġimgħa sat-Tnejn filgħodu.

Il-kumpanija tamministra madwar 40% tal-merkanzija li tidħol u toħroġ mill-pajjiż. Huwa mifhum li dan il-waqfien ma affettwax il-provvista ta’ oġġetti lis-supermarkets ewlenin Awstraljani.

DP World Australia, qalet li l-portijiet tagħha reġgħu bdew joperaw fid-9.00 a.m. (ħin lokali) wara testijiet b’suċċess li saru fuq sistemi ewlenin matul il-lejl. Żiedet li matul il-jum tat-Tnejn, il-kumpanija stmat li madwar 5,000 kontejner ħarġu ‘l barra mill-erba’ terminals Awstraljani.

Darren Goldie, il-Koordinatur tas-Cyber Security tal-Gvern, saħaq li l-operatur kien qed jagħmel “progress tajjeb” biex iġib is-siti tiegħu lura online. Żied jgħid li l-gvern għadu ma identifikax min kien jew kienu l-awturi wara dan l-attakk.

DP World qalet li waqqfet il-konnettività tal-internet fil-portijiet tagħha nhar il-Ġimgħa biex tipprevjeni “kwalunkwe aċċess mhux awtorizzat” fin-netwerk tagħha. Dan il-waqfien kien ifisser li t-trakkijiet ma setgħux jittrasportaw kontejners ‘l ġewwa jew ‘il barra mis-siti affettwati.

It-tkomplija tas-servizz matul il-jum tat-Tnejn kien l-ewwel pass lejn l-indirizzar tal-attakk fuq in-netwerk tiegħu. DP World qalet li kienet għadha fil-proċess li tinvestiga t-tfixkil u li tħares is-sistemi tagħha kontra attakki ċibernetiċi.

Sport