Rapporti fil-media Spanjola qed isostnu li l-attakkant internazzjonali Franċiż ta’ Paris St-Germain, Kylian Mbappe, mistenni jingħaqad ma’ Real Madrid fis-sigħat li ġejjin hekk kif proprju għada jingħalaq is-suq tat-trasferimenti.
Skond l-istess rapporti, il-president tal-Madrileni, Florentino Perez, ltaqa’ mad-diriġenza tal-club Franċiż fit-tentattiv li jiffirmaw lil dan il-player ta’ 24 sena.
Dan jista’ jfisser li s-saga ta’ Mbappe u l-Pariġini waslet fi tmiemha hekk kif Real se jagħmlu offerta għas-servizzi tiegħu.
Barra minn hekk, il-media Spanjola saħansitra qalet li Real jistgħu jħabbru lill-player b’mod uffiċjali fis-sigħat li ġejjin, għalkemm għad iridu jiġu ffinalizzati xi dettalji tat-trasferiment.
Għad mhux magħruf kemm se jkun is-salarju ta’ Mbappe, iżda mal-Pariġini huwa kien l-aktar player imħallas … €50 miljun fis-sena qabel it-taxxa.
Min-naħa tagħhom, Paris St-Germain jinsabu lesti li jeħilsu minnu minħabba l-fatt li f’Ġunju 2024 huwa jkun player liberu hekk kif jintemmlu l-kuntratt u bl-ebda mod ma ried iġeddu.
Huma għamlu dak kollu fil-poter tagħhom biex iġiegħu lil Mbappe jiffirma estensjoni mqar ta’ sena iżda hu bl-ebda mod ma ried idawwar id-deċiżjoni tiegħu.
U jidher li minn din is-sitwazzjoni se jgawdu ż-żewġ clubs – Real Madrid minħabba li se jixtri lill-player ferm irħas … u Paris SG mill-mitluf se jieħdu li jistgħu inkella kienu jibqgħu b’xejn wara li fl-2017 kienu xtraw lil Mbappe għal €180 miljun mingħand Monaco.