Il-kompetizzjoni tal-UEFA Champions League hija bla dubju waħda mill-akbar kompetizzjonijiet sportivi fid-dinja, u l- UEFA tidher ħerqana li tkompli tikber billi tisfrutta s-suq Amerikan, li jara l-football bħala sport inqas popolari wara dawk tal-football Amerikan, il-basketball u l-baseball.
Il-UEFA tara din ukoll bħala opportunità biex tiġġenera aktar dħul, u għaldaqstant hemm diġà għaddejjin taħditiet biex il-finali taċ-Champions League mill-Ewropa tiġi trasferita għall-Istati Uniti, b’din il-miżura proposta mistennija tidħol fis-seħħ mill-istaġun 2027-28 ‘il quddiem.
Skont rapporti, il-UEFA u l-Assoċjazzjoni tal-Clubs Ewropej, jinsabu f’perjodu esklussiv ta’ negozjar ma’ Relevent Sports għal drittijiet kummerċjali globali għaċ-Champions League mill-2027.
Li kieku jkollu jintlaħaq ftehim, dan itemm ir-relazzjonijiet tal-korp governattiv tal-football Ewropew ma’ TEAM Marketing, li miegħu ilhom sħab għal aktar minn 30 sena.
L-idea li jiġu trasferiti l-logħbiet tal-football Ewropew mhijiex waħda ġdida, peress li La Liga kienu qed jaħdmu fuq il-possibbiltà li jitrasferixxu l-logħba home ta’ Barcelona kontra Atletico Madrid fl-Istati Uniti, għalkemm ma setax jintlaħaq ftehim bejn il-partijiet kummerċjali.
Sadanittant, it-Tazza tad-Dinja tal-Clubs li għadha kif ġiet imġedda, se tintlagħab fl-Istati Uniti.
Il-UEFA tinsab kuntenta ħafna bl-avvanz tat-taħditiet ma’ Relevant Sports, tant, li tinsab viċin ħafna li tilħaq dan il-ftehim … u dan jagħmilha realtà akbar li l-finali tal-UEFA Champions League tiġi trasferita mill-Ewropa għall-Istati Uniti. Wieħed jifhem, din x’aktarx tkun deċiżjoni li tintlaqa’ b’ħafna kritika speċjalment mill-partitarji.
Wieħed irid jara kif din is-sitwazzjoni tiżviluppa fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin. M’hemm l-ebda dubju li hija miżura kontroversjali, u waħda li l-partitarji madwar l-Ewropa mhux probabbli li jilqgħu.