Saturday, May 18, 2024

Powerboats:  Is-Cyber Class tipprovdu azzjoni eċċitanti fil-Port il-Kbir

Aqra wkoll

Il-kundizzjonijiet tal-baħar li kien hemm nhar il-Ġimgħa fissru li l-ewwel tiġrija ppjanata tat-tieni Grand Prix tal-Kampjonati tad-Dinja Voomquest Enemed UIM V2 tal-2022 kellha tiġi kkanċellata.

“Dan kien diżappuntanti ħafna għalina, madankollu segwejna istruzzjonijiet mill-ekwipaġġi tas-sigurtà tagħna li tawna parir biex inwaqqfu l-proċeduri għal-lum. Qed nittamaw li npattu għad-diżappunt tal-lum għada s-Sibt.” spjega Aaron Ciantar, fundatur ta’ Voomquest.

Filwaqt li l-kundizzjonijiet ma kinux favur il-V2, l-baħar protett fil-Port il-Kbir għamel possibbli li jiġu organizzati żewġ tlielaq iktar min dawk ippjananti għas-Cyber ​​Class, dgħajsa iżgħar imma daqstant qawwija u spettakolari. Il-Klassi kienet maqsuma f’żewġ Klassijiet – Under u Over 21. Kull Klassi kkompetiet f’żewġ tlielaq, waħda filgħodu u l-oħra wara nofsinhar.

L-ewwel Tellieqa U21 intrebħet minn Team Bad Company misjuq minn Rhys Grima, segwit minn Lydon Buhagiar ta’ Team Cece u segwit minn Isaac Abela ta’ Team Shamal. It-tieni tellieqa  intrebħet minn Team The Element Celine Farrugia li kellha kompetizzjoni iebsa minn Grima li kien qed jimmira għat-tieni reb[ħa tal-ġurnata iżda kellu jikkuntenta bit-tieni post. Fit-tielet post kien hemm Hailey Ciantar ta’ Team Chaudron.

Fil-kategorija tal-fuq minn 21, l-ewwel tiġrija ntrebħet minn Team The Element misjuq minn Audrien Ciantar li rritornat għat-tlielaq wara assenza ta’ seba’ snin. Fit-tieni post daħal Team Topo misjuq minn Jurgen Camilleri filwaqt li Miguel Abela li isuq Team Shamal spiċċa fit-tielet post. It-tiġrija ta’ wara nofsinhar rat il-postijiet jinbidlu meta Team El Diablo misjuq minn Kieran Galea – li kien qed jikkompeti fl-ewwel tiġrija tiegħu ħa l-bandiera ta’ wara nofsinhar. Hu kien segwit minn Team Bad Company ta’ Clive Butler u Jurgen Camilleri ta’ Team Topo fit-tielet post.

Jekk kollox jmur kif ippjanat is-Sibt filgħodu, il-Klassi V2 se tkun qed tagħmel testijiet uffiċjali bejn l-1030hrs u nofsinhar, bit-tlielaq ippjanat għall-1400hrs. L-attivitajiet kollha tal-V2 se jsiru ‘l barra mix-Xatt ta’ Tas-Sliema.

Is-Cyber ​​Class ser tirritorna fl-azzjoni fil-Port il-Kbir is-Sibt wara nofsinhar fis-1630hrs, bl-aħjar vista tkun fuq il-promontorju tal-Isla.

Il-Kampjonati tad-Dinja Voomquest Enemed UIM V2 huma sponsorjati mill-Enemed u appoġġjati minn Yachting Malta Ltd., Chaudron Powerboats, P&C Cauchi Demolition, Visit Malta, Preluna Skyroom, Premium Power Sport u l-Kunsill Lokali tal-Isla.

Għall-aħħar aħbarijiet żur il-paġna Voomquest fuq Facebook.

Sport