Tuesday, December 17, 2024

Premier League: Aston Villa v Man Utd fl-aqwa partita

Aqra wkoll

Bir-rekord ta’ 100% mitmuma issa rridu naraw min se jkun l-aħħar team li jibqa’ bla telfa meta llum u għada jintlagħab is-seba’ programm tal-Premier Lea­gue Ingliż.

Iż-żewġ protagonisti hu­ma ċ-champions Manchester City u Arsenal li qed jokkupaw it-tieni u t-tielet postijiet rispettivament fil- klassifika b’14-il punt kull wieħed bil-leaders Liverpool qed igawdu punt fuqhom it-tnejn.

Huma se jkunu fl-azzjoni llum wara nofsinhar meta t-tnejn se jkunu qed jilagħbu f’darhom, il-Gunners jilqgħu lit-team ta’ qabel l-aħħar, Southampton, kompluti bil-goalkeeper Aaron Ramsdale, li sa ftit ġimgħat ilu kien is-sostitut tal-Ispanjol, David Raya, fl-Emirates Stadium.

It-team ta’ Mikel Arteta, ma jidhirx li għandu jonqos milli jieħu t-tliet punti minkejja li l-captain Martin Odegaard għadu qed jirkupra minn injury.

Min-naħa tagħhom is-City se jilqgħu lil Fulham li dan l-istaġun kellhom bidu mill-aqwa meta jinsabu fis-sitt post bi 11-il punt.

Għalkemm dan l-aħħar is-City naqqsu xi ftit mill-qawwa tagħhom ka­ġun tal-injury li sofra Rodri, huma xorta għandhom ixaqilbu l-miżien favur tagħhom wara l-wirja tajba li kellhom fiċ-Champions League kontra Slovan Bratislava. 

Il-leaders Liverpool se jmorru għand Crystal Pa­lace fil-logħba ta’ kmieni wara nofs in-nhar meta s’issa fallew tliet punti biss kontra Nottm Forest f’Anfield.

Fost il-ġimgħa huma għelbu lil Bologna 2-0 fiċ- Champions League bl-iskor ma jurix l-andament tal-logħba meta ma kel­lhomx rebħa komda għall-aħħar. Iżda min-naħa l-oħra li għelbu żewġ timijiet Taljani, Milan u Bologna, dan ifisser ħafna fejn wasal it-team dan l-istaġun.

Logħba ferm interessanti għandha tkun dik ta’ għada wara nofsinnhar bejn Aston Villa u Manchester United bl-istaġun ta’ dawn qed ikompli jkun ta’ diżappunt meta wara li tilfu 3-0 kontra Tottenham il-Ħadd li għadda u l-Ħamis ma ħadux iktar minn draw 3-3 fl-Ewropa.

Għall-captain tagħhom, Bruno Fernandes, l-inkwiet fil-ground ma jridx iħallih għax wara t-tkeċċija kontra Spurs li wara ġiet maħfura, fl-Europa League messitu l-istess xorti kontra t-team ta’ pajjiżu, Porto.

Brentford se jilqgħu lil Wolves li għadhom ma qabdux art dan l-istaġun tant li għadhom ħadu punt biss waqt li l-Bees jinsabu fit-12-il post sitt punti iktar minnhom.

Leicester City, li huma wieħed minn ħames timi­jiet li għadhom bla rebħa, se jkunu f’darhom fil-King Power Stadium biex jilq­għu lil Bournemouth li għandhom seba’ punti,     tlieta iktar minnhom.

Iċ-Cherries ġejjin mir-reb­ħa 3-1 kontra Southampton it-Tnejn li għadda.

West Ham tal-Ispanjol, Julen Lupetegui, jinsabu b’ħames punti minn sitt logħbiet, rekord li jekk ikompli jeħżien jista’ jitkeċċa qabel iż-żmien.

Il-Hammers se jilqgħu lil Ipswich Town fil-London Stadium li wara li bdew b’żewġ telfiet wara ħadu erba’ draws l-aħħar waħda ferm inkoraġġanti kontra Aston Villa bl-iskor ta’ 2-2 b’doppjetta ta’ Liam Delap.

Il-logħba tal-lejla tara lil Everton ikunu nvoluti kontra Newcastle kompluti bl-eks winger tagħhom, Anthony Gordon, li mindu sieħeb lill-Magpies il-karriera tiegħu għamlet progress. Min-naħa tat-Toffeemen huma ġejjin minn rebħa 2-1 kontra Crystal Palace.

Il-logħba l-oħra ta’ għada wara nofs in-nhar hija bejn Chelsea u Nottm Forest b’dawn issa jidhru li saru team iktar ta’ stoffa taħt il-manager Nuno Espirito Santo tant li bħalissa qed igawdu sitt punti vantaġġ fuq it-tielet team mill-aħħar.

Min-naħa tagħhom il-Blues, li għandhom il-ġid minn fejn jagħżlu l-iskwadra tant li dan urewh nhar il-Ħamis fil-Confe­rence League meta ħallew bosta players regolari barra u xorta għelbu lill-Belġjani Gent 4-2.

Fl-aħħarnett, il-logħba li tagħlaq il-programm għan­dha tkun waħda ferm inte­ressanti li fiha Brighton se jkunu fl-AMEX Stadium biex jilqgħu lil Tottenham.

Is-Seasiders, li fl-aħħar logħba temmew fi draw ta’ 2-2 kontra l-Forest f’darhom, se jiffaċċjaw lil Spurs li ġejjin mir-rebħa mal- United u minn dik ta’ 2-1 fl-Europa League kontra Fe­rencvaros f’Budapest li fiha għamlu użu minn bosta players żgħażagħ.

Ekonomija

Sport